Lokali Saħħa

Nies jilmentaw illi “il-Gvern ħalla s-sitwazzjoni f’Mater Dei diżastru”

Diversi ritratti li dehru dalgħodu fuq il-media soċjali komplew jitfgħu dawl fuq is-sitwazzjoni prekarja li qed jaffaċjaw it-tobba, l-infermieri, il-professjonisti mediċi, u l-ħaddiema kollha tal-Isptar Mater Dei.

Mara li dalgħodu marret għat-tilqima qaltilna li s-sitwazzjoni fl-Isptar hi “diżastru”, b’nies f’xulxin kull fejn tħares. B’ġemgħat ta’ nies anke fl-iswali u l-outpatients.

Fl-aħħar sebat ijiem ippubblikajna diversi rapporti li juru kif ammont kbir ta’ nies qed jispiċċaw jinġabru għax jingħataw appuntamenti fl-istess siegħa – f’xi ħin kien hemm anke 300 ruħ f’kuritur.

L-istess sitwazzjoni qed tidher kuljum fl-Università ta’ malta fejn qed jitlaqqmu l-edukaturi, li jispiċċaw għal sigħat twal jistennew f’xulxin wara kju enormi.

“Dan kollu nuqqas ta’ pjanar minn naħa tal-Gvern. Qed inbatu aħna u n-nies tal-isptar”, qalilna raġel li ħa t-tilqima matul din il-ġimgħa.