Lokali Qorti

Żewġt irġiel inżammu arrestati fuq numru ta’ serqiet minn siti ta’ kostruzzjoni

Joseph Galea ta’ 30 sena u Emanuel Degabriele ta’ 31 sena t-tnejn mis-Siġġiewi tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fuq sitt akkużi ta’ serq.

L-irġiel, li qed jiċħdu l-akkużi, allegatament serqu għodda elettrika, armar, batteriji u ‘jigger hammer’ minn skavatur mekkaniku minn siti ta’ kostruzzjoni fil-Qrendi, Ħ’Attard, in-Naxxar, Ħal Kirkop u Ħad-Dingli f’Jannar li għadda.

Huma ġew akkużati wkoll li saru reċidivi. Talba għal pleġġ magħmula minn Degabriele ġiet miċħuda mill-Qorti. Galea ma talabx il-libertà proviżorja. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Andy Rotin mexxew il-Prosekuzzjoni.

L-avukati Mario Mifsud u Christian Camilleri dehru għal Galea, filwaqt li l-avukat Charles Mercieca rrappreżenta lil Degabriele.