Lokali

567 siegħa xemxin imkejlin matul ix-Xitwa meteoroloġika

Frar li għadda qajla fawwar il-bjar proverbjali, dan għaliex matulu tkejlu biss 7.8 mm ta’ xita. Dan ix-xahar tniżżel fir-rekords meteoroloġiċi bħala s-sitt l-aktar Frar xott mill-1923 l’hawn, u għalaq xitwa meteoroloġika konsiderevolment xotta fejn matulha tkejlu 141.0 mm ta’ xita – kemxejn aktar minn nofs l-ammont mistenni għal dan l-istaġun

Filwaqt li x-xita kienet pjuttost skarsa, is-sigħat xemxin ma naqsux. Matul l-istaġun tax-Xitwa tkejjlu 567.4 sigħat xemxin, li jfisser li kienet xitwa aktar imdawla min-norma klimatika. It-tlett xhur tax-Xitwa, kollha kienu aktar xemxin milli mistenni u Frar saħansitra sebaq il-kwota tas-sigħat xemxin għax-xahar bi kważi 46 siegħa.

L-aktar temperatura baxxa mkejla fl-istaġun tax-Xitwa kienet dik ta’ 5.8 fil-15 ta’ Frar filwaqt li l-ogħola temperatura kienet 25.8 u tkejlet fid-9 ta’ Jannar. It-tliett xhur tax-xitwa kienu aktar sħan milli mistenni, bit-temperatura tal-arja medja ta’ Diċembru tkun 15.3, ta’ Jannar 141 u ta’ Frar tkun ta’ 14.0

Filwaqt li Diċembru u Jannar kienu mirjieħa aktar milli mistenni, Frar kien xahar aktar kalm fejn il-veloċita tar-riħ medja għax-xahar laħqet id-9.3 knots minflok in-norma ta’ 9.5 knots. Dan filwaqt li l-buffura ta’ riħ l-aktar massima kienet dik ta’ 41 knots mill-Majjistral li tkejlet fit-8 ta’ Frar.