Lokali Qorti

Aħwa Libjani fuq pleġġ dwar omiċidju fl-2017 jitressqu l-Qorti fuq feriti gravi

Siraj S.B. Shalgum ta’ 39 sena u Husain Saleh Belgasem Shalgum ta’ 34 sena, aħwa Libjani residenti Ħal Balzan u li jinsabu bil-libertà proviżorja fuq omiċidju tressqu il-Qorti mixlija li kkaġunaw feriti gravi wara li allegatament sawwtu Libjan ieħor f’San Ġwann

Il-Libjani ġew mixlija quddiem il-Maġistrat Charmain Galea li għall-ħabta tat-3.00am ta’ nhar is-Sibt 27 ta’ Frar li għadda sawwtu lil Mohamad Abolqasim Almailoshi, li qal li kien qed jaħfer lil aħwa minkejja dak li kien għadda mingħalih.

Huma ġew akkużati wkoll li kissrulu l-mobajl, li naqsu li jħarsu l-kundizzjonijiet mogħtija lilhom mill-Qorti Kriminali u li kisru l-ordni u l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Iż-żewġ ċittadini Libjani jinsabu akkużati wkoll li f’Novembru tal-2017 qatlu raġel ta’ 40 sena, l-kompatrijott Fouzi Farj Etwaish fil-lejl tal-25 ta’ Novembru.

Etwaish kien inqatel b’daqqiet ta’ sikkina fir-residenza tagħhom ta’ dak iż-żmien fi Triq il-Bwieraq, Birkirkara. Etwaish kien tilef il-ġlieda mal-mewt wara li kien ċeda għall-ġrieħi li ġarrab fl-isptar Mater Dei.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia għamlu t-talba għal libertà proviżorja fuq il-każ tal-aggressjoni fejn irrimmarkaw li l-allegat vittma ħafer ukoll lil aħwa. It-talba għall-ħelsien mill-arrest kienet milqugħa fuq depożitu ta’ €500 u garanzija persoanli ta’ €2,000.

Kienu ordnati wkoll li jridu jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa u li jridu jkunu d-dar sal-11.00pm. u ma jħorġux qabel il-5.00am.Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Grech.