Lokali Saħħa

Il-care homes privati għadhom mingħajr soluzzjoni

In-nuqqas ta’ infermiera hija problema li pajjiżna issa ilu jaffaċċja għal diversi snin. L-infermiera huma l-ikbar grupp ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li jipprovdu servizz dirett fil-care homes madwar Malta u Għawdex. Iżda fid-dawl ta’ dan kollu l-care homes privati għadhom mingħajr soluzzjoni hekk kif il-Gvern Laburistanesa għal kollox l-infermiera barranin li jaħdmu fis-settur privat.

In-nuqqas ta’ infermiera qed iħalli impatt negattiv fuq ir-riżultati tal-kura tas-saħħa fosthom li l-infermiera qed ikollhom jieħdu ħsieb aktar pazjenti milli suppost. f’kundizzjonijiet dejjem aktar diffiċli.

Dan qed iwassal biex aktar infermiera jħallu l-professjoni tagħhom u b’hekk jaggravaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal dawk li fadal u jagħmlu r-reklutaġġ ta’ infermiera ġodda aktar diffiċli.

Għalhekk bħalma qed jiġri f’pajjiżi oħra, f’Malta qed jinħass iktar il-bżonn li jiġu ingaġġati infermiera barranin. Iżda dan ukoll qed joħloq diversi sfidi għal dawn l-infermiera kif ukoll għal dawn il-care homes. Dan għaliex dawn qed iħabbtu wiċċhom ma’ diversi problemi fosthom li l-permess tax-xogħol u residenza ta’ infermiera bararanin irid jiġu mġedded kull sena u li ma jistgħux idaħħlu l-familja tagħhom f’Malta.

Fl-aħħar jiem intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-MUMN fuq numru ta’ kwistjonijiet fir-rigward ta’ infermiera u professjonisti oħra tas-saħħa ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea li jiġu ingaġġati fis-settur pubbliku. Iżda dawk li jaħdmu fil-care homes privati u tal-Knisja…. twarrbu u ma ngħatawx l-istess kundizzjonijiet. Dan b’detriment għal dawn id-djar hekk kif qed jaffaċċjaw nuqqas ta’ infermiera b’konsegwenza għas-saħħa tal-pazjenti.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ li jirrappreżenta l-care homes tal-privat u l-Knisja qed jisħaq li dawn l-infermiera għandhom jingħataw l-istess inċentivi li għandhom l-infermiera li jaħdmu mas-settur pubbliku.

Fosthom li l-permess ta’ residenza jkun validu għal tliet snin, ikun hemm roħs fil-miżati, l-applikazzjoni tiġi proċessata fi żmien ħmistax-il ġurnata xogħol u li l-kundizzjonijiet jiġu estiżi għall-familja kollha.