Lokali

“Storja ppjanata biex iddawwar l-attenzjoni minn fuq Robert Abela” – Bernard Grech

“Storja ppjanata biex toħloq diversiv għall-kollass pubbliku tal-Prim Ministru”. Hekk stqarr Bernard Grech mas-sit newsbook.com.mt fejn tkellem dwar l-istorja li ħarġet mill-media tal-Partit Laburista dwar Jason Azzopardi.

Il-Ġimgħa f’konferenza tal-aħbarjiet id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi safa fil-mira tal-attakki mill-Partit Laburista għax daħħal formola tat-taxxa tard.

Ma’ newsbook il-Kap tal-PN tenna li Jason Azzopardi ddikjara diġà li dejjem għadda r-returns tat-taxxa tiegħu… ħlief fl-aħħar sentejn iżda minħabba s-sitwazzjoni personali familjari li għaddha minnha.

Bernard Grech spjega li Jason Azzopardi kien diġà f’kuntatt mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni sa mis-sena 2020 sabiex jirrettifika dan in-nuqqas u fil-fatt daħħalhom f’Jannar 2021.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-PN qal li dan l-espisodju jikkuntrasta bil-kbir l-aġir ta’ Rosianne Cutajar li ħadet rigal ta’ €9,000 u ma ddikjaratu qatt lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni bħala dħul u lanqas ma ddikjaratu bħala membru parlamentari.