Futbol Sport

Żball banali ta’ Xhaka itellef żewġ punti lil Arsenal …. Southampton lura għar-rebħ

Il-programm tal-Premier League ta’ tmiem il-ġimgħa fetaħ b’ erba’ logħbiet impenjattivi, imqassmin matul il-ġurnata, u li fihom spikkaw id-dro, 1-1, bejn Burnley u Arsenal f’Turf Moor. Interessanti wkoll kienet ir-rebħa għal Southampton barra minn darhom fuq Sheffield United li tat ftit nifs lis-Saints wara sensiela ta’ riżultati diżastrużi.

Intant, it-telf ta’ aktar punti għal Arsenal għandu jinkwieta lit-tim ta’ Mikel Arteta li jinsab fl-għaxar post tal-Premier League. Madankollu, il-Gunners jistgħu jħossuhom xi ftit sfortunati li ma ħadux punti massimi wara li ġew imċaħħdin mil-lasta (Ceballos) – u b’talanqas żewġ deċiżjonijiet mill-video assistant referee (VAR) jannullawlhom żewġ appelli għal penalty wara l-interventi diskutibbli tas-sostititut Erik Pieters fiż-żewġ okkażjonijiet.
L-aktar azzjoni taħraq waslet fl-aħħar ħinijiet meta Arsenal kienu konvinti li rebħu penalty deċiżiv, iżda d-deċiżjoni tar-referi Andre Marriner biex ikeċċi lil Pieters u jipponta lejn il-ħdax-il metru kienet maqluba mill-VAR wara li r-replays urew li kienet l-ispalla ta’ Pieters li devjat ix-xutt ta’ Nicolas Pepe mal-lasta.

Il-gowls ta’ din il-logħba waslu fl-ewwel taqsima, bi Pierre Emerick AUBAMEYANG ipoġġi lil Arsenal fil-vantaġġ wara biss sitt minuti – u bil-gowl tad-dro jasal permezz tat-traskuraġni netta ta’ Granit Xhaka. Dan meta d-difensur Żvizzeru tal-Gunners żbalja banalment bil-pass tiegħu fil-kaxxa u bil-ballun li kien destinat għal Luis jaħbat ma’ Chris Woods (39) u jispiċċa ġewwa għal gowl mill-aktar stramb. Iż-żewġ tims minn dak il-ħin kellhom diversi tentattivi fuq il-lasti ta’ xulxin iżda l-iskor ma jinbidilx. Hu fatt interessanti li, mill-bidu tal-istaġun 2016-17, Granit Xhaka wettaq aktar żbalji personali (8) li wasslu għall-gowls kontra t-tim tiegħu minn fost il-plejers kollha ( li mhumiex gowlkipers) fil-Premier League Ingliż.

Southampton kisbu l-ewwel rebħa f’għaxar logħbiet tal-kampjonat konsekuttivi, b’dan is-suċċess – għall-ispejjeż ta’ Sheffield United – ifisser li s-Saints, issa, huma aktar trankwilli f’nofs il-klassifika u jistgħu jħarsu lejn il-logħob li jmiss bi ftit aktar ottimiżmu. Mill-banda l-oħra, din it-telfa kompliet tbiegħed il-prospetti ta’ xi salvazzjoni mirakoluża għall-Blades li qed jidhru destinati għal ritorn f’The Championship. Fil-fatt, Sheffield United saru biss it-tieni tim Ingliż li tilef 22 mill-ewwel 28 konfront f’kampjonat tal-ogħla diviżjoni wara Sunderland fl-istaġun 2005-06.
Il-gowl tal-ftuħ tas-Saints wasal minn penalty skurjat minn James WARD-PROWSE (32) wara l-intervent fil-kaxxa ta’ Ampadu fuq Nathan Tella.
Il-Blades ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda fil-bidu tat-tieni taqsima, Che ADAMS (49 ) irdoppja b’volley spettakolari għar-rokna tax-xibka biex issiġilla r-rebħa għat-tim ta’ Ralph Hassenhuttl.

Aston Villa u Wolves spiċċaw fi dro, 0-0, f’Villa Park, b’din il-logħba – derby tal-West Midlands — tipproduċi diversi tentattivi perikolużi fuq iż-żewġ lasti iżda l-ebda żblokk fir-riżultat. Il-Villains kienu l-aħjar tim fl-ewwel ħinijiet,b’Ollie Watkins u Ezri Konsa t-tnejn ikollhom tentattivi li stampaw mal-mimduda –iżda Wolves ukoll marru viċin, b’Romain Saiss jispara għoli minn żewġ metri wara li Conor Coady kien laqat il-lasta bir-ras. L-aħħar tentattiv perikoluż ukoll kien ta’ Wolves, bil-gowlkiper ta’ Villa, Martinez, iwettaq save mill-aqwa fuq iz-xutt bomba ta’ Coady.

Leicester kisbu rebħa mportanti ta’ 2-1 barra minn darhom għand Brighton biex b’hekk telgħu fit-tieni pożizzjoni fil-klassifika tal-Premier League Ingliż. Brighton marru fil-vantaġġ fl-10 minuta permezz tal-Ingliż ADAM LALLANA, wara pass tajjeb li nifed id-dii’a ta’ Neil Maupay. Madanakollu Leicester kisbu l-gowl tad-draw fit-62 minuta permezz tan-Niġerjan KELECHI IHEANCHO , li kkonkluda fil-lasta wara pass ta’ Youri Tielemans, għall-gowl tal-parita. Leciester ħallew għall-aħħar biex jaċċertaw mit-tliet punti meta kien DANIEL AMARTEY li approfitta minn żball difensiv għal skor finali ta’ 2-1.

lllum; Burnley v Arsenal 1-1, Sheff’ Utd v Southampton 0-2, Aston Villa v Wolves 0-0 , Brighton v Leicester 1-2 Għada ;West Brom v Newcastle 1.00pm, Liverpool v Fulham 3.00pm, Man City v Man Utd 5.30pm, Tottenham v C’Palace 8.15pm ItTnejn; Chelsea v Everton 7.00pm, West Ham v Leeds 9.00pm