Lokali Qorti

12-il xahar ħabs għax pprovat tħalli Malta ma’ wliedha b’dokumenti foloz

Tfajla ta’ 22 sena mill-Kosta tal-Avorju, omm ta’ żewġt itfal ta’ sena u nofs u ta’ tliet snin u nofs ġiet ikkundannata 12-il xahar ħabs wara li ammettiet li ppruvat tħallis Malta b’passaporti foloz, tagħha u taż-żewġ uliedha.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Hubert Gerada qalet li meta l-omm, Sidibe Tene, kienet interrogata, qaltilhom li riedet tmur ħdejn żewġha l-Italja.

Qal li għax kellha t-tfal magħha, l-akkużata ma tteħditx fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u nżammet fid-detenzjoni tal-ajruport f’ambjent ta’ sala ta’ stennija aktar milli ċella minħabba t-tfal ukoll.

Il-Qorti ħadet nota ta’ x’qal l-Ispettur u li t-tfal ittieħdu l-Qorti akkumpanjati minn ħaddiema mal-Appoġġ u fid-dawl ta’ dan kollu appellat għal struttura addattat għat-tfal f’każijiet ta’ emerġenza. Il-Qorti kkundannat lill-mara għal 12-il xahar ħabs.

Il-Maġistrat Charmaine Galea qalet fis-sentenza li jeħtieġ ikun hemm struttura barra l-Għases tal-Pulizija biex f’każijiet bħal dawn ta’ emerġenza fejn fihom ikuu nvoluti t-tfal, jinżammu f’ambjent adattat u sigur, taħt il-ħarsien tal-Appoġġ.

Il-Qorti għamlet dan il-verbal fi tmiem seduta, u ordnat li kopja tal-istess verbal tintbgħat lill-Ministru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali. L-Avukat tal-għajnuna legali Martha Mifsud dehret għal Sidibe Tene.