Lokali

“Abela għandu jittermina l-ħatra ta’ Buttigieg fl-MTA u jinvestiga x-xogħol tiegħu” – PN

“Ġurnata wara l-oħra dan il-pajjiż qed ikompli jiskopri l-għanqbud li niseġ Gvern Laburista. Illum il-ġurnal Times of Malta ppubblika informazzjoni li turi rabta illeċita bejn uffiċjal maħtur u magħżul minn Joseph Muscat sabiex iservi fl-Awtorita’ tal-Ippjanar u terzi interssati. Illum dak l-uffiċjal huwa CEO tal-Awtorita’ tat-Turiżmu, l-istess awtorita’ li kienet impjegat lil Konrad Mizzi fuq direzzjonijiet minn Kastilja.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija tal-PN fejn tkompli tgħid li Robert Abela ma jistax jaħrab minn dak li ġie żvelat. Huwa għandu jordna li jiġu investigati kull proġett imsemmi fl-informazzjoni ppubblikata. Iżda Abela għandu wkoll minnufih jittermina l-ħatra ta’ Buttigieg fl-Awtorita’ tat-Turiżmu u jinvestiga x-xogħol tiegħu kemm f’din l-awtorita’ kif ukoll fl-Awtorita’ tal-Ippjanar, li tagħha kien CEO meta jidher li seħħet din ir-rabta lleċita.

Il-Partit Nazzjonalista qal li kull ġurnata li Abela jkompli jitfa’ dan il-ħmieġ taħt it-tapit minflok jieħu passi, huwa jibqa’ jżid ir-riskji ekonomiċi għal pajjiżna. Illum il-qasam tat-turiżmu huwa mdagħjjef bl-effetti tal-pandemija. Kull jum li jibqa’ jżomm lil Buttigieg fil-kariga preżenti tiegħu, Abela jibqa’ jħammeġ ir-reputazzjoni tas-settur turistiku Malti.