Lokali

Arrestat fuq akkużi li ħebb għal żewġ nisa b’sikkina u seraq basket

Il-Pulizija arrestaw raġel ta’ 28 sena b’rabta ma’ serqa armata li seħħet fuq żewġ nisa f’Ta’ Xbiex. Hu kien irnexxilu jaħrab minn fuq il-post b’basket ta’ waħda min-nisa wara li aggredihom b’sikkina waqt li kienu mexjin max-xatt.

Fl-aħaħr sigħat, il-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett ta’ Tas-Sliema intensifikaw l-investigazzjonijiet tagħhom relatati mas-serqa li seħħet fuq żewġ nisa matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis li għadda.

L-arrest seħħ f’Ta Xbiex stess wara rapport li sar dwar ir-raġel. Fi tfittxijiet li saru fir-residenza tiegħu nstabu xi affarijiet relatati ma’ din is-serqa u ma’ serq ieħor li seħħ fl-aħħar jiem.

Ir-raġel qiegħed jiżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.