Internazzjonali

Covid-19: Spinta ta’ tilqim fi Franza waqt li x-Xatt tal-Punent jidħol f’lockdown ta’ ġimgħa

L-awtoritajiet f’numru ta’ reġjuni ta’ Franza qalu li fl-aħħar sigħat kien hemm domanda qawwija għat-tilqim kontra l-coronavirus.Dan meta l-programmi tat-tilqim fil-pajjiż, għalissa, qed jikkonċentraw fuq il-Franċiżi ta’ ‘il fuq minn 75 sena u l-persuni l-aktar vulnerabbli għall-aktar forma serja tal-Covid-19.

Fi tmiem il-ġimgħa erba’ sptarijiet militari fetħu ċ-ċentri għat-tilqim fir-reġjun ta’ Pas-de-Calais waqt li nfetħu madwar 100 ċentru ieħor fir-reġjun ta’ Pariġi. Dan waqt li l-istadium tal-football ta’ Toulouse ukoll qed iservi bħala mobile vaccination centre.

Il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, wiegħed programmi ta’ tilqim mill-aktar intensivi għal dan ix-xahar u April waqt li tenna li l-ġimgħat li jmiss se jkunu kruċjali fl-impenn biex il-pajjiż jikkontrolla kemm jista’ il-firxa tal-virus.

Il-Gvern, għalissa, qed jikkonċentra fuq l-aktar reġjuni li qed ibatu mill-impatt tal-coronavirus bit-tama li jevita lockdown nazzjonali li jkollu konsegwenzi ekonomiċi mill-aktar diżastrużi għall-pajjiż.

Filwaqt li l-pajjiżi tal-Ewropa qed jintensifikaw il-kampanji għat-trażżin tal-infezzjonijiet, spikka, fost oħrajn, l-impenn tal-awtoritajiet fil-Greċja biex jipprovdu t-testijiet rapidi b’xejn għall-possibbiltà ta’ infezzjonijiet ġodda fost il-poplu fl-istazzjon tal-metro ta’ Syntagma, fil-kapitali Ateni. Dan meta l-President tal-Unjoni Ewropea, Margaritis Schinas, żar dan il-mobile centre biex jara b’għajnejn il-proċess. Il-Greċja, b’kollox, irreġistrat mal-204,000 każ tal-coronavirus u ftit aktar minn 6,700 mewta sussegwenti.

Fi żviluppi oħra ‘il hinn mill-Ewropa, ix-Xatt tal-Punent, fl-aħħar sigħat, beda jimplimenta lockdown ta’ ġimgħa wara spinta fl-ammont ta’ infezzjonijiet lokali bil-Covid-19.

Il-qawwiet tas-sigurtà, bħalissa, qed iwaqqfu numru ta’ checkpoints madwar ix-Xatt tal-Punent minkejja li t-toroq huma kważi vojta min-nies u t-traffiku, bil-ħwienet ma jiftħux fi bliet prinċipali bħal Ramallah. Il-ftit sewwieqa li qed joħorġu għall-qadi urġenti qed ikunu mwaqqfa mill-qawwiet tas-sigurtà li qed jivverifikawlhom l-identità u meta l-awtoritajiet Palestinjani huma determinati li jwaqqfu l-hekk-imsejjaħ spike fl-infezzjonijiet.

Sadanittant, il-Mexxej Spiritwali tat-Tibet, id-Dalai Lama, ingħata l-ewwel doża tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 waqt li ħeġġeġ ‘biex in-nies jieħdu din it-tilqima.’ Id-Dalai Lama ngħata t-tilqima tal-Oxford-AstraZeneca fil-belt ta’ Dharamsala, fl-Indja, wara li kien applika hu stess għaliha.

L-Indja nediet il-programm tat-tilqim fis-16 ta’ Jannar, iżda l-programm, sa ftit ilu, kien illimitat biss għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u ‘frontliners’ oħra li qed jaħdmu fl-aktar setturi vulnerabbli għall-virus.