Lokali

Għall-Partit Laburista…Rosianne Cutajar għadha Segretarju Parlamentari

Fil-lista uffiċjali tal-Grupp Parlamentari Laburista, Rosianne Cutajar għadha meqjusa bħala Segretarju Parlamentari. Dan minkejja li hi, suppost, irriżenjat temporanjament wara li inqabdet illi ħadet flus cash mingħand in-negozjant Yorgen Fenech.

Is-sit tal-Partit Laburista għadu qed jindika lil Cutajar bħala Segretarju Parlamentari għar-Riformi.

Ftit ilu kienu żvelati aktar messaġġi li għaddew bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech – “Naf kemm għamilt għalija… €9,000 ħafna… rigal żgħir tal-birthday kien ikun iktar minn biżżejjed.”

Rosianne Cutajar kitbet hekk lil Yorgen Fenech meta permezz ta’ messaġġ infurmaha li f’mazz cash, ħallielha 9,000 żejda biex iżżommom għaliha. Dawn il-messaġġi komplew jitfgħu aktar dawl fuq ir-relazzjoni ta’ Cutajar u Fenech kif ukoll fuq l-irwol tad-Deputat Laburista fis-senserija tal-propjetà fl-Imdina.

Bħalissa, il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler qed jinvestiga l-azzjonijiet tad-deputat Laburista.

Għadu mhux ċar jekk Cutajar tatx il-verżjoni tagħha tal-fatti quddiem il-Kummissarju Hyzler.