Lokali

Ikompli jonqos id-distakk bejn Bernard Grech u Robert Abela

L-Appoġġ li jgawdi Robert Abela kompla jieħu daqqa ‘l isfel u skont l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kummissjonat mill-gazzetta Maltatoday, għall-ewwel darba fi tliet snin u nofs, mexxej tal-Partit Laburista għandu inqas minn 40 fil-mija tal-appoġġ.

Fil-fatt, Robert Abela tilef kważi żewġ punti perċentwali meta mqabbel mal-istħarriġ tax-xahar ta’ qabel f’dik li issa qed tidher xejra konsistenti għal dawn l-aħħar xhur.

L-istess għall-Partit Laburista fejn l-istħarriġ wera tnaqqis ta’ kważi żewġ punti perċentwali għal 39.2 fil-mija tal-appoġġ. Dan hu l-agħar riżultat fl-istħarriġ għall-Partit Laburista mill-aħħar elezzjoni ġenerali.

Min-naħa l-oħra, l-appoġġ tal-Kap tal-PN Bernard Grech u tal-Partit Nazzjonalista baqa’ stabbli meta mqabbel mal-istħarriġ tax-xahar ta’ qabel. Għaldaqstant id-distakk bejn iż-żewġ partiti, għal xahar ieħor. reġa’ naqas.

Ta’ min jinnota li l-istħarriġ sar fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu, hekk kif kellna numri rekord ta’ każi ta’ Covid u f’ġimgħa fejn il-Prim Ministru wera li mhux qed jiflaħ għall-pressjoni li ġġib magħha din il-kariga.

Min-naħa l-oħra, id-distakk bejn Robert Abela u Bernard Grech kompla jonqos għat-tielet xahar konsekuttiv hekk kif qed joħorġu l-kwalitajiet tal-Kap tal-PN li qed jidher iktar kapaċi li jiffaċċja sitwazzjonijiet li joffru sfida.