Lokali

“Indaqs” – konferenza mill-PN għall-okkażjoni ta’ Jum il-Mara

It-temi matul il-programm speċjali: - Ir-riforma tas-sessi - Ir-riforma tal-prositituzzjoni - L-effett tal-COVID-19 fuq in-nisa - In-nisa fis-settur tax-xogħol

Mart il-Kap tal-PN, Anne Marie Grech:

Dwar il-prostituzzjoni, Grech qalet li temmen li minn meta jkunu għadhom żgħar, it-tfal għandhom jiġu mgħallma li l-ġisem tagħhom għandu jkun rispettat u jarawh bħala d-dinjità tagħhom. Dan hekk kif l-ebda persuna m’għandha tħares lejn ħaddieħor bħala sempliċiment oġġett li tista’ tuża’ u tabbuża minnu.

Fir-rigward tal-effett tal-pandemija, Grech qalet li ma kinitx sena faċli mhux biss għaliha iżda wkoll għal għadd ta’ nisa li iktar ma jmur iktar qed tinbett anzjetà kbira.

Grech kompliet tenfasizza l-importanza li t-tfal jiġu mgħalma minn età żgħira li m’hemmx xogħol ta’ mara u ta’ raġel, iżda jekk in-nisa jemmnu fihom nfushom kapaċi jaslu fejn jixtiequ. Madanakollu, dan jista’ jsir biss jekk kull persuna tibda tara lin-nisa daqs l-irġiel, liema tibdil fil-kultura kapaċi twassal għal bilanċ bejn is-sessi.

President MMPN, Graziella Schembri Attard Pevi:

Attard Previ bdiet billi rringrazzjat lill-Kap tal- PN, Bernard Grech għall-fatt li dejjem poġġa lil mara fiċ-ċentru tal-politika u tas-soċjetà. Hi qalet li minkejja li sar ħafna avvanz, daqstant ieħor għad fadal ħafna x’isir għall-ugwaljanza u b’hekk talbet biex jitqajjem l-għarfien sabiex finalment tinstab soluzzjoni għad-dinjità.

  • L-ewwel tema ta’ diskussjoni – ir-riforma tas-sessi:

Professur Carmen Sammut:

Il-Professur Sammut qalet li hemm bżonn dik l-imbuttatura biex il-mara tingħata l-prijorità li jixraqilha. Hi qalet li n-nisa kapaċi u għandhom talent daqs l-irġiel tant l-Università ta’ Malta qed tara 60% ta’ nisa li jigradwaw, b’dan it-talent qed jintilef hekk kif qed jingħataw il-ġenb.

Kunsilliera, Alessia Psaila Zammit:

Psaila Zammit qalet li sena wara sena qed ikomplu jaraw id-diskriminazzjoni f’kull settur, b’mod speċjali fuq il-post tax-xogħol. Hi qalet li hawn ħafna nisa li qed jesperjenzaw din id-diskriminazzjoni, bil-passi ‘l quddiem qed ikunu passi pjuttost żgħar.

President tad-Djalogu Soċjali, Ivan J. Bartolo:

Bartolo qal li fis-snin li ġejjin jittama li jkun qed jiċċelebra Jum il-Mara u mhux ikunu għadhom qed iqajmu l-għarfien dwar l-importanza tan-nisa, hekk kif in-nisa huma kapaċi daqs l-irġiel. B’hekk, hu enfasizza l-importanza li n-nisa għandhom ikollhom post fil-Parlament hekk kif il-kontribut tan-nisa fis-soċjetà hu inkredibbli li se jkun ta’ ġid għall-pajjiżna.

Membru Parlamentari, Claudette Buttigieg:

Buttigieg qalet li l-ħidma biex mara tkun fejn tixtieq mhix daqshekk faċli daqs kemm wieħed jaħseb. Hi qalet li rat diskriminazzjoni lejn nisa li huma kapaċi daqs irġiel oħra li jinsabu fil-Parlament għas-sempliċi raġuni tas-sess tal-persuna… u dan minkejja li n-nisa hemm bżonnhom fil-Parlament u fis-soċjetà.

  • It-tieni tema ta’ diskussjoni – ir-riforma tal-prostituzzjoni:

Akkademika u attivista, Dr. Anna Borg:

Dr. Borg qalet li l-mument li tneħħi t-tlajjar u l-bejgħ tan-nisa minn reat se tkun qed tagħti xejra li wieħed jista’ jixtri persuna qisha oġġett. Hi qalet li min jinqabad fil-prostituzzjoni għandu jingħata l-għajnuna biex joħroġ mis-settur.

Negozzjant u missier ta’ żewġt ibniet, Mark Azzopardi:

Azzopardi qal li f’kull pajjiż li l-prostituzzjoni ġiet legalizzata deher it-tkabbir tat-traffikar tal-persuni. B’hekk, hu saħaq li dan ma jistax jitqies bħala negozju normali hekk kif jemmen li n-nisa se jkunu qed jiġu sfurzati biex jidħlu f’dan is-settur.

President tar-Riċerka Politika, Martina Caruana:

Caruana qalet li ħafna persuni qed iħarsu lejn dan is-settur bħala xogħol leġittimu u jwarrbu l-fatt li għadd ta’ nisa jiġu sfurzati u li jħaddimhom jikkontrollalhom ħajjithom. Hi enfasizzat il-fatt li ħafna nisa li jkunu fil-prostituzzjoni jkunu jixtiequ joħorġu minn dan is-settur.

Membru Parlamentari Ewropew, Roberta Metsola:

Metsola qalet li min hu vulnerabbli għandu jkollu d-dritt li jsib l-għajnuna meħtieġa filwaqt li wieħed qatt m’għandu jqabbel kwalunkwe xogħol mal-prostituzzjoni. Dan hekk kif il-prostituzzjoni hu settur li wieħed diffiċli mmens li joħroġ minnu. Hi qalet li jekk il-prostituzzjoni jiġi legalizzat se jkun qed jiżdied l-abbuż bla kontroll.

  • It-tielet tema ta’ diskussjoni – l-effett tal-COVID-19 fuq in-nisa:

CEO ta’ Richmond Foundation, Stefania Dimech Sant:

Dimech Sant qalet li matul din il-pandemija nnotat li n-nisa soffrew ferm iktar minn problemi ta’ saħħa mentali u piż fiżiku hekk kif uħud mit-tfal komplew bl-edukazzjoni tagħhom mid-dar. Madanakollu, hi qalet li d-dinja rat li n-nisa ħarġu iktar b’saħħithom u rat il-kapaċità li joffru minkejja d-diffikultajiet li affaċjaw.

Persuna vulnerabbli, Amy Camilleri Zahra:

Camilleri Zahra qalet li matul l-aħħar sena kemm hi u anke l-qraba tagħha kellhom jibdew jgħixu ħajja differenti, liema ħajja ħolqot element ta’ anzjetà u stress. Hi qalet li kien innotat li fejn fis-snin passatti r-riċerka min-nisa kien ammont sostanzjali, fl-aħħar sena din l-istess riċerka minn naħa tan-nisa naqset drastikament, liema sitwazzjoni turi kemm ix-xogħol matul din il-pandemija waqgħa fuq il-mara.

Chairperson ta’ NCPE, Renee Laiviera:

Laiviera qalet li għadd ta’ nisa kellhom jitilqu mix-xogħol biex jiddedikaw ħinhom għat-tfal, fost irwoli oħra, liema pass wassal biex in-nisa se jaqgħu lura fil-professjoni tagħhom li kienu ilhom jaħdmu għaliha għal snin sħaħ.

Membru Parlamentari, Maria Deguara:

Deguara qalet li n-nisa u l-ommijiet kellhom jaffaċjaw sfidi li qatt ma stennew jew li kienu lesti għalihom. Hi qalet ukoll li dan it-tibdil kawża tal-pandemija mhux biss se tkun qed taffetwa lin-nisa iżda wkoll lis-soċjetà kollha. Hi kompliet tgħid li l-pandemija ħarġet kemm in-nisa huma b’saħħithom minkejja li quddiemhom hemm biss dubji.

  • Ir-raba’ tema ta’ diskussjoni – in-nisa fis-settur tax-xogħol:

Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni għal Min Iħaddem (MEA), Joe Farrugia:

Farrugia qal li raw għadd ta’ nisa, b’mod speċjali nisa li għandhom tfal bla missier preżenti kienu affetwati biex ilaħħqu max-xogħol u t-tfal li qattgħu ferm iktar ħin id-dar mal-omm. Dwar it-teleworking, hu qal li dan mhux daqshekk faċli daqs kemm wieħed jaħseb hekk kif il-persuna tkun qed tipprova taħdem filwaqt li tieħu ħsieb it-tfal.

Is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, Roselyn Borg Knight:

Borg Knight qalet li hemm bżonn li l-ewwel isir bir-reqqa il-ħsieb ta’ x’hemm bżonn isir favur in-nisa biex wara tkun imfassla t-triq ‘il quddiem.

Membru Parlamentari Ewropew, David Casa:

Casa qal li n-nisa għandhom ikollhom l-opportunitajiet kollha daqs dawk li jingħataw l-irġiel f’kull settur tal-ħajja. Hu qal li qed iħares ‘l quddiem fejn Jum il-Mara ma tingħatax importanza żejda hekk kif in-nisa ma jkunux qed jiġu ddiskriminati.

Deputat Nazzjonalista, Kristy Debono:

Debono qalet li l-ekonomija hi bħal katina li tirrikjedi kemm l-irġiel u anke n-nisa biex tibqa’ ħaġa waħda miexja ‘l quddiem. Hi qalet li l-irwol tal-mara minn aspett ekonomiku hu ferm bżonnjuż għall-pajjiżna.

  • Konklużjoni tat-temi:

Deputat Nazzjonalista, Therese Comodini Cachia:

Comodini Cachia qalet li t-temi kollha juru li dawn il-kwistjonijiet huma ta’ xkiel għall-mara li kulma tixtieq li tagħti sehma fis-soċjetà. Hi kompliet tgħid li daqslikieku saret in-normalità li n-nisa jiġu attakkati, nisa li fil-maġġorparti tagħhom iħossu li għandhom vuċi u jixtiequ jwassluh fil-beraħ.

President MMPN, Graziella Schembri Attard Pevi:

Schembri Attard Previ qalet li tittama li għada ma jkunx sempliċiment jum ieħor fejn in-nisa jingħataw il-ġenb iżda jkun pass ieħor ‘il quddiem fejn il-kwistjonijiet li ilhom hemm is-snin jiġu indirizzati. Hi wiegħdet li se tkompli l-ħidma favur in-nisa biex jingħataw dak li jistħoqqilhom fis-soċjetà.