Internazzjonali

Iraq: Il-Papa jżur ir-reġjuni li darba kienu f’idejn l-ISIS

Il-Papa Franġisku fl-aħħar sigħat żar numru ta’ reġjuni fit-Tramuntana tal-Iraq li kienu damu x-xhur taħt ir-renju tat-terroristi tal-ISIS. F’din it-tielet ġurnata taż-żjara storika tiegħu fl-Iraq, il-Papa talab qalb il-knejjes meqruda fil-belt ta’ Mosul – darba fortizza tal-ISIS – qabel iltaqa’ mal-Iraqqin Kristjani fl-inħawi ta’ Qaraqosh.

Il-Papa, issa, qed iħejji biex jiċċelebra l-quddies f’Irbil fejn mistennija jattendu l-eluf tad-devoti minkejja t-tħassib dwar il-coronavirus.

L-Iraqqin Kristjani kienu fost l-aktar komunitajiet li batew mill-brutalità tal-ISIS meta t-terroristi ħatfu r-reġjuni tal-Iraq, fl-2014, fost sensiela ta’ abbużi kontra l-bniedem.

Iż-żjara tal-Papa, li tintemm għada, hi l-ewwel waħda għall-Kap tal-Kattoliċi mill-bidu tal-pandemija tal-coronavirus, aktar minn sena ilu. Fl-istess ħin ma jonqosx l-aspett storiku taż-żjara meta l-Papa Franġisku hu wkoll l-ewwel Kap tal-Kattoliċi li qatt żar l-Iraq.

Mal-wasla tiegħu f’Irbil, il-Papa ntlaqa’ minn Nechirvan Barzani li hu l-Kap tar-reġjun tal-Kurdistan. Minn hemm hu twassal bil-ħelikopter f’Mosul fejn żar il-pjazza ewlenija ddominata mill-fdalijiet tal-knejjes biex jitlob għall-eluf tal-vittmi ċivili tal-ISIS.

Hu, waqt din iż-żjara, qal li l-eżodu tal-Kristjani mill-Iraq u bnadi oħra tal-Lvant Nofsani waqt ir-renju tat-terrur tal-ISIS ‘irriżulta fi ħsara inkalkulabbli mhux biss għall-individwi u l-komunitajiet iżda anki għas-soċjetà li dawn il-vittmi ħallew warajhom’.