Lokali

Is-sena ta’ inkonsistenzi ta’ Robert Abela

Sena minn meta feġġ l-ewwel każ tal-pandemija fil-Gżejjer Maltin, il-Prim Ministru Robert Abela ssokta bl-inkosistenzi tiegħu … karatteristika li ġarr miegħu fl-aħħar tnax-il xahar li l-poplu Malti u Għawdxi spiċċa jħabbat wiċċu mal-firxa tal-Covid-19.

Waqt attività politika Laburista fil-Mosta, Abela qal li sa mill-bidunett fehem li din il-pandemija kienet ser tkun maratona. Madankollu, hu u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, saħqu f’temp ta’ jumejn li l-Covid kien xi ħaġa tal-passat u li pajjiżna rebaħ il-gwerra kontra l-virus.

Skont il-Prim Ministru, in-normalità f’pajjiżna kellha tasal tliet xhur biss wara li l-pandemija bdiet tinfirex fil-Gżejjer Maltin … kontra kull parir mill-esperti mediċi, li wissew lill-Gvern Laburista bil-miġja tat-tieni mewġa. Iżda mingħajr l-ebda bażi xjentifika, Abela baqa’ jisħaq li l-mewġ kien fil-baħar u li l-aħjar ħaġa li kellhom jagħmlu n-nies – f’nofs pandemija – kienet li jmorru jgawdu l-baħar ħalli ma jħarbtux is-Sajf lilu.

Matul din is-sena, sfortunatament, pajjiżna kompla jara żieda fil-każi kulmeta l-Gvern ta realtà falza tal-pandemija mill-Prim Ministru Robert Abela … bin-narrattiva tan-normalità li kellha tasal mill-anqas tliet darbiet, li ninsabu f’ġenna u li ċ-ċittadini għandhom joqgħodu fuq kliemu.

Iżda issa, f’nuqqas ċar ta’ ppjanar, Abela qed jgħid li ma jafx x’se jiġri l-ġimgħa d-dieħla.