Irrid nara Malta li tkompli tagħti valur tassew lill-mara biex il-mara tasal fejn jixirqilha għax jekk tasal il-mara, tasal is-soċjetà kollha kemm hi. Hu għalhekk li ninsab kommess li, mat-tim kollu tal-Partit Nazzjonalista, nkompli nara li l-bniedem jimxi ‘l quddiem.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’għeluq il-konferenza għal Jum il-Mara, bit-tema “Indaqs”, organizzata mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista.
Tenna li ladarba qed niċċelebraw lill-mara, hu importanti nifhmu kemm irridu nagħtu lill-mara dak li hu tagħha. Hu għalhekk li rridu nifhmu li l-mara hi parti indispensabbli mis-soċjetà tagħna u għalhekk irridu nkomplu nifhmu kemm hu meħtieġ li l-mara tkompli timxi ‘l quddiem.
Fi tmiem kull diskussjoni dwar it-temi differenti li tqajmu, Bernard Grech spjega f’aktar dettal il-pożizzjoni tal-Partit immexxi minnu.
Il-Mekkaniżmu għal Rappreżentanza Ugwali fil-Parlament: Bernard Grech qal li għall-Partit Nazzjonalista, il-mara għandha valur kbir u hi meħtieġa. Għaldaqstant, minflok ma noqgħodu niddubitaw jekk għandniex nagħmlu dan il-mekkaniżmu, irridu naraw kif se nneħħu kull ostaklu – żgħir jew kbir – biex naraw li n-nisa jilħqu l-miri tagħhom u jilħquhom f’numri akbar.
Ir-Riforma fil-Liġi dwar it-Traffikar tal-Bniedem u l-Prostituzzjoni: Dwar din is-sessjoni tad-diskussjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit immexxi minnu jemmen fid-dinità tal-mara u li mhix oġġett. Hu għalhekk li qed jissuġġerixxi mudell aħjar għal din ir-Riforma. Tenna li, ladarba ma jridx iħalli li l-Gvern jibbaża l-ekonomija tal-pajjiż fuq il-prostituzzjoni, jixtieq li r-raġel u l-mara jkollhom id-dinjità minflok ma jintużaw biex xi ħadd isir sinjur minn fuq daharhom. Il-ġisem tal-mara mhux xi makkinarju, tenna Bernard Grech.
L-effett tal-Covid-19 fuq il-mara: Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn li l-mara tingħata aktar għajnuna fil-ħidma li jkun hemm bżonn issir fit-trobbija tal-ulied u anke fid-dar, partikolarment f’dan iż-żmien ta’ sfidi partikolari. Bħala persuna li kien preżenti ħafna fit-trobbija tal-ulied, hu appella lill-ommijiet u lill-missirijiet biex ikunu aktar preżenti fit-trobbija, għalkemm qal li jifhem sew l-isfidi li l-koppji jħabbtu wiċċhom magħhom illum il-ġurnata. Min-naħa l-oħra, Bernard Grech tenna l-appell tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista biex l-għoti tal-vaċċin kontra l-virus ikun aħjar u aktar effettiv, aktar mgħaġġel, iżda aktar korrett. Żvela kif raġel li ilu 20 sena emigat u mara li ilha 30 sena mejta irċievew l-appuntament għall-vaċċin.
Il-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol: Bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li jemmen li l-bniedem m’għandux jgħix biex jaħdem, iżda jaħdem biex jgħix. Spjega li meta nibdew nifhmu dan, ngħixu ħajja aħjar għax ma jistax ikun li jkollok lil min ikollu jagħmel ħafna ħin jaħdem biex jibda jgħix ħajja tajba. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista hu kommess li jkompli jtejjeb il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna ħalli kulħadd ikollu wkoll l-opportunità jgawdi l-mistrieħ tiegħu u kulħadd isib ħin għalih innifsu. Hu importanti li, anke l-mara jkollha l-ħin għaliha nnifisha, bħalma għandhom bżonn il-ħin tagħhom ir-raġel u anke l-ulied.
//= $special ?>