Lokali

“Jien miegħek nidħol fejn trid” – Buttigieg lil Yorgen Fenech

Nistgħu nagħmlu negozju meta trid. Dan kien wieħed mill-messaġġi li bagħat Johann Buttigieg, eks Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar, issa Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, lil sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech – messaġġi fuq whatsapp li jmorru lura għal Marzu 2019, meta kien diga’ maghruf li hu sid il-kumpanija li nfetħet f’Dubaj.

Fil-messaġġi, Fenech allegatament propona lill-eks mexxej tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jaqsmu nofs bin-nofs bejniethom proprjetà li kien qiegħed jittama li jaħtaf mingħand in-negozjant Għawdxi Joe Portelli.

Yorgen Fenech kien stqarr ma Buttigieg li l-istess Portelli kien jafu ‘hames mija’ u propona lill-issa Chairman tal-MTA sabiex jaħtfu xi ħaġa mingħand l-Għawdxi, u jaqsmuhom bejniethom…jagħmlu biċċa negozju.

Messaġġi żvelati mill-ġurnal Times of Malta wrew li Buttigieg ikkonferma u wera x-xewqa li ried jagħmel negozju ma’ Fenech imma mhux f’dak id-deal partikolari – Madanakollu Buttigieg indikalu liema żvilupp kellu jaħtaf minn għandu…ta’ Ħal Qormi, faċċata l-uffiċju postali.

Ikkuntattjat mit-Times of Malta, Johann Buttigieg ċaħad li qatt għamel negozju ma’ Yorgen Fenech imma naqas milli jispjega l-konverżazzjonijiet fuq Whatsapp; messaġġi fejn fost l-oħrajn allegatament Buttigieg jgħid lil Fenech, “jien miegħek nidħol fejn trid”.

Kurjuż il-fatt li ankè fil-konverżazzjonijiet ta’ bejniethom jissemma’ il-laqam tax-Xih wara li Fenech stieden lil Buttigieg id-dar tiegħu sabiex jiddiskutu proġett li kien ngħata l-barka tax-xih…b’Buttigieg jgħidlu…Let’s do it.

Fl-aħħar xhur fix-xhieda tal-Qorti ħareġ fid-deher li x-xih huwa r-riferiment li Yorgen Fenech kien jagħmel biex jindirizza lill-eks Mexxej Laburista u eks Prim Ministru Joseph Muscat – madanakollu Johann Buttigieg falla milli jikkonferma dan meta mistoqsi minn Times of Malta.

Fil-messaġġi jidher li l-eks Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar kellu laqgħa fid-dar ta’ Fenech fejn allegatament tkellmu dwar il-lukanda Halland, Manoel Island u l-Mellieħa.

Mistoqsi għal liema raġuni fil-pożizzjoni li kellu kien qiegħed jitkellem dwar proġetti u profitti man-negozjant – Buttigieg insista li qatt ma għamel negozju ma’ Yorgen Fenech.

Intant, f’messaġġ minnhom Fenech saħaq li ħa gost ma’ Johann Buttigieg u l-Iżviluppatur Adrian Buttigieg.

Mistoqsi mit-Times, Adrian Buttigieg sostna li l-laqgħa kienet rigward investiment fuq Manoel Island, investiment li qatt ma seħħ minħabba li Yorgen Fenech kien ġie arrestat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.