Internazzjonali

L-Iran: Għadu inċert il-futur għal Zaghari-Ratcliffe

Nazarin Zaghari-Ratcliffe, mara ta’ nazzjonalità doppja — Britannika u Iranjana — li weħlet il-priġunerija b’konnessjoni ma’ akkużi dwar spjunaġġ, ikkonkludiet is-sentenza u fl-aħħar sigħat tneħħielha l-ankle-tag li hi kienet sfurzata biex tilbes bħala ‘miżura ta’ sigurtà’.

Madankollu, din il-mara – li hi involuta fil-ħidma għall-karità – se jkollha xorta tippreżenta ruħha quddiem qorti (fl-Iran) għal każ ġdid kontra tagħha li se jinstama’ nhar il-Ħadd.

Zaghari-Ratcliffe kienet ilha taħt arrest f’darha, f’Tehran, mindu l-awtoritajiet Iranjani, f’Marzu, ittrasferewha mill-ħabs lejn din ir-residenza. Hi dejjem ċaħdet l-akkużi fil-konfront tagħha bħala infondati, u fl-aħħar sigħat, is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, sostna li din il-mara għandha titħalla tirritorna fir-Renju Unit.

Raab sostna li, minkejja l-aħħar żviluppi pożittivi, l-Iran ‘qed  jippersisti bi proċess krudili u intollerabbli fil-konfront ta’ Nazarin Zaghari-Ratcliffe’. Il-Gvern Britanniku fisser il-priġunerija kontinwa ta’ din il-mara bħala ‘intollerabbli’ u qed jagħmel kulma jista’ biex hi tingħaqad mill-ġdid ma’ familtha fir-Renju Unit.