Futbol Sport

Man Utd jieħdu r-raġun fid-derby u jagħtu doċċa kiesħa lis-Citizens

(Ritratt: EPA)

Manchester United kisbu rebħa impressjonanti fuq Manchester City, il-liders tal-Premier League biex ġabu fi tmiem is-sekwenza ta’ 21 rebħa konsekuttiva fil-kompetizzjonijiet kollha għat-tim immexxi minn Pep Guardiola. Din fil-fatt kienet it-tielet rebħa konsekuttiva fil-league għar-Red Devils fuq City fl-Etihad Stadium u għalkemm is-Citizens xorta qed igawdu vantaġġ ta’ 11-il punt f’ras il-Premier League, l-istrateġija ta’ Ole Gunnar Solskjaer – implimentata perfettament mill-plejers tiegħu – ħalliet lil City mingħajr risposta avolja kellhom il-maġġoranza tal-pussess u anki marru qrib f’numru ta’ drabi.

Ir-rebħa, fl-istess ħin, kompliet is-sensiela xejn anqas impressjonanti ta’ riżultati pożittivi għal United barra minn darhom – u meta issa r-Red Devils ilhom ma jitilfu ‘away’fil-league għal 22 logħba ( u li jinkludu 14 ir-rebħa).
United ma setax kellhom bidu aqwa meta rebħu penalty wara biss 30 sekonda meta Gabriel Jesus waqqa’ lil Antony Martial fil-kaxxa. Inkariga ruħu Bruno FERNANDES li sab ix-xibka minkejja li l-gowlkiper Ederson salva parzjalment ix-xutt qawwi tal-midfielder Portugiż.
Minn dak il-ħin City ħarġu jfittxu dro bikri, b’United jiddefendu b’għaqal u anki jkunu ferm perikolużi bil-kontra-attakki, fejn irnexxielhom jagħlqu l-ewwel taqsima bil-vantaġġ minimu. Fil-bidu tat-tieni taqsima Rodri laqat l-angolu tal-lasta għal City b’xutt mill-bogħod iżda ftit wara wasal it-tieni gowl ta’ United, meta – waqt kontra-attakk tipiku tar-Red Devils — id-difensur Luke SHAW (50) bidel il-ballun ma’ Marcus Rashford qabel għeleb lil Ederson mill-ġdid b’xutt fil-baxx għat-2-0 finali.

L-istaġun ta’ Liverpool kompla sejjer mill-ħażin għall-agħar, bit-telfa f’darhom ma’ Fulham (0-1) tkun anki l-ewwel rebħa għall-Cottagers f’Anfield Road mill-2012 u għal riżultat li ħalla liċ-Champions renjanti f’periklu serju li jispiċċaw barra t-Top Four tal-Premier League. Il-forma tar-Reds, fil-fatt, qed tallarma bil-kbir lid-diriġenti tal-klabb meta Liverpool issa sofrew is-sitt telfa konsekuttiva f’darhom fil-league. Fulham, għall-kuntrarju, qed jittamaw li jsalvaw posthom mal-kbar meta t-tragward kien qed jidher kważi impossibbli lejn l-aħħar tas-sena l-oħra – u qabel ir-rimonta tal-aħħar ġimgħat.

Il-Cottagers, li jinsabu t-tielet mill-aħħar, għandhom l-istess punteġġ bħal Brighton (26) waqt li lagħbu logħba aktar mis-Seagulls, li bdew jitilfu l-punti b’rata konsistenti fl-aħħar ġimgħat. Intant, il-gowl li ddeċieda l-logħba f’Anfield wasal sekondi qabel il-mistrieħ meta Mario LEMINA (45) seraq il-ballun lil Mo Salah u sab ir-rokna tax-xibka bil-gowlkiper Alisson iħares.

Fit-Tottenham Hotspurs Stadium, Tottenham bl-aktar mod faċli għelbu lil Crystal Palace 4-1, liema rebħa tpoġġi lil Tottenham eqreb lejn l-ewwel erba’ postijiet tal-klassifika. Gareth BALE fetaħ l-iskor wara 25 minuta għal Tottenham. Crystal Palace rrispondew u kien minuta fuq il-ħin mogħti żejjed fi tmiem l-ewwel taqsima li Christian BENTEKE għamel l-iskor 1-1. Gareth BALE fid-49 minuta reġa poġġa lil Tottenham fil-vantaġġ biex tliet minuti wara HARRY KANE għamilhom 3-1. Fis-76 minut KANE għamilhom 4-1 wara li kkonkluda fuq pass ta’ Heung-Min Son.

West Bromwich Albion u Newcastle United spiċċaw fi dro mingħajr gowls f’The Hawthorns għal riżultat li aktar jissodisfa lill-Geordies li niżlu għal din il-logħba mingħajr l-attakkanti regolari Callum Wilson, Miguel Almiron u Allan Saint-Maximin – li bejniethom skurjaw 16 fost is-27 gowls tat-tim fil-kampjonat. Newcastle, fil-preżent, jinsabu l-ħames mill-aħħar fil-klassifika b’27 punt waqt li West Brom għadhom it-tieni mill-aħħar – b’vantaġġ ta’ erba’ punti biss fuq l-aħħar tim, Sheffield United.

West Brom kellhom aktar mill-pussess iżda Newcastle kellhom il-mumenti tagħhom, b’Willock u Joelinton ifallu ċansijiet tajbin quddiem il-lasta. Intant, id-difensur Conor Townsend kien l-aktar plejer perikoluż għall-Baggies tul il-logħba iżda West Brom rari impenjaw lill-gowlkiper, Dubravka, tul id-90 minuta.

PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ: Burnley v Arsenal 1-1, Sheff’ Utd v Southampton 0-2, Aston Villa v Wolves 0-0, Brighton v Leicester 1-2 Illum: West Brom v Newcastle 0-0, Liverpool v Fulham 0-1, Man City v Man Utd 2-0, Tottenham v C’Palace 4-1 Għada: Chelsea v Everton 7.00pm, West Ham v Leeds 9.00pm