Lokali

Proposta Awtorità li taqsam tagħrif dwar persuni ta’ periklu għal tfal u adulti vulnerabbli

Reviżjoni tal-policies tal-Knisja dwar il-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli

Is-Safeguarding Commission imwaqqfa mill-Konferenza Episkopali u mis-Superjuri Reliġjużi fl-2015 biex tagħti direzzjoni strateġika fuq ir-regolamenti u l-proċeduri dwar il-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli tittama li l-Gvern ma jdumx ma jressaq liġi bl-iskop li titwaqqaf awtorità ċentralizzata ħalli taqsam tagħrif dwar persuni li jistgħu jkunu ta’ riskju għat-tfal u għal adulti vulnerabbli.

Il-proposta lill-Gvern għat-twaqqif ta’ din l-awtorità ħalli dan it-tagħrif ikun jista’ jinqasam bejn l-għaqdiet kollha konċernati, saret mis-Safeguarding Commission stess.

Carly Zarb, Social Worker mal- Kummissjoni, ikkuntattjata minni qalet li din l-awtorità għadha ma twaqqfitx. Qalet li xhur ilu kien hemm grupp interministerjali tal-Gvern jaħdem dwar din il-proposta u tittama li ma jdumx ma jkun hemm liġi ġdida li tistabbilixxi t-twaqqif, l-iskop u l-funzjoni ta’ din l-awtorità.

Is-Safeguarding Commission għandha wkoll l-iskop li tassigura li t-tfal u l-adulti vulnerabbli qed jiġu mħarsa mill-entitajiet kollha fi ħdan il-Knisja.  

Sadattant, is-Safeguarding Commission wettqet reviżjoni tal-policies tal-Knisja dwar il-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli u tinsab fil-proċess li tippubblikahom.

Carly Zarb qalet li l-policies il-ġodda se jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin. Dan wara konsultazzjoni wiesgħa li s-SafeguardingCommission kellha mal-vittmi, mal-persuni li jużaw is-servizzi ta’ diversi entitajiet tal-Knisja, ma’ aġenziji statutorji u ma’ l-istakeholders ewlenin.