Lokali

Tikber ir-rabja dwar l-abbużi fl-għoti tal-vaċċin

Ir-rabja qed tkompli tiżdied tal-anzjani, tal-persuni vulnerabbli u ta’ persuni oħrajn li l-Gvern wiegħed li se jkunu huma li jitlaqqmu l-ewwel minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, u li għadhom ma tlaqmux. Dan għall-fatt li aktar qed jidher evidenti l-abbuż li qed jiġi rappurtat li qed isir b’mod mill-aktar kundannabbli fis-sistema li qed titħaddem u li qed tiġi abbużati fl-għoti tal-vaċċin.

Rapporti li qed ikomplu jaslu lil il-mument juru abbużi fis-sistema tal-għoti tal-vaċċin hekk kif nies li m’għandhomx jaqbżu lil min hu intitolat għall-vaċċin, qed jiġu msejħa biex jirċievu l-vaċċin.

Informazzjoni li waslet lil il-mument minn sorsi li ddikjaraw li ma jifilħux aktar jaraw dan l-abbuż, fissru kif diversi nies – ħaddiema f’dipartimenti jew aġenziji tal-Gvern, u persuni viċin ċertu ċrieki qrib il-gvern – qed jirċievu telefonati biex b’mod immedjat u mingħajr telf ta’ żmien imorru f’ċentru jew klinika tas-saħħa li jiġi identifikat lihom, u jieħdu malajr u mingħajr problemi l-vaċċin kontra l-COVID-19.

Jirriżulta li hemm min saħansitra jkollu jaqsam għan-naħa l-oħra ta’ Malta biex f’qasir żmien u dak il-ħin stess li jirċievi t-telefonata, imur u jieħu l-vaċċin. Dan qed isir lejn l-aħħar tal-ħinijiet li fih ikun qed jingħata s-servizz tat-tilqim.

Familjari ta’ anzjani li għadhom ma ħadux it-tilqima minkejja l-età tagħhom, kif ukoll persuni nfushom li huma vulnerabbli u qegħdin jistennew l-appuntament biex imorru jitlaqqmu, huma rrabjati u inkwetati quddiem dan l-atteġġjament. Mhux hekk biss, ir-rabja qed tikber għaliex din is-sistema mfissra bħala waħda qarrieqa u ta’ ingann, qed issir aktar fil-miftuħ u fid-deher.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mment qalu wkoll li jekk wieħed jifli sew min huma dawn in-nies li qed jissejħu biex ta’ malajr jieħdu l-vaċċin, u li mhumiex intitolati għall-vaċċin f’dan l-istadju, malajr jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.