Internazzjonali

Tkompli t-tensjoni dwar Brexit bejn l-UE u r-Renju Unit

Il-Ministru Britanniku ewlieni dwar Brexit, Lord David Frost, sejjaħ biex l-Unjoni Ewropea ma tibqax turi ‘l-antagoniżmu’ dwar id-deċiżjoni tar-Renju Unit biex toħroġ mill-Unjoni. Hu, fl-istess ħin, qal li t-theddida preċedenti tal-UE biex timblokka l-esportazzjoni tal-vaċċini kontra l-Covid-19 (mill-Ewropa) kienet ‘dgħajjfet sew il-miżuri ta’ wara Brexit fl-Irlanda Fuq’.

Lord Frost anki enfasizza li l-pass unilaterali tar-Renju Unit biex, għalissa, jipposponi l-iskrutinju (border checks) mal-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq hu legali taħt il-ftehim kummerċjali ta’ Brexit. Madankollu, l-UE qed tikkuntesta l-pożizzjoni ta’ Londra waqt li qed tħejji għal sfida legali fiċ-ċirkustanzi.

Ir-Renju Unit  qed iżomm lura mill-proċessi għall-iskrutinju tal-prodotti li qegħdin jaslu fl-Irlanda ta’ Fuq minn artu – bl-UE qed tirriferi għal ‘abbuż ta’ dik il-parti tal-ftehim ta’ Brexit relatata mal-Irlanda ta’ Fuq’, bl-azzjoni legali minn Brussell qed tidher imminenti.