Futbol Sport

Tmien gowls u spettaklu bejn San Ġwann u Marsa

Chris Cassar

SAN GWANN…………………4
MARSA…………………………4

San Gwann: D. Sciberras, Q. Adediran, J. Bowman, C. Gauci, C. Attah, Z. Bowman, A. Zammit, C. Omoruanzoje, C. Gauci, U. Calistus, G. Pace.
Marsa: N. Vella, D. Aius, I. Zammit, A. Monticelli, M. Micallef, J. De Lima, S. Diacono, C. Gatt Baldacchino, L. Grech, H. Shola, L. Micallef.
Referee: Ishmael Barbara

Marsa m’approfittawx mid-dro ta’ Pembroke meta wara logħba mill-iktar spettakolari anki huma kellhom jikkuntentaw fi dro kontra San Gwann, dro ta’ 4-4 f’logħba mimlija gowls u azzjonijiet fuq naħa u fuq oħra.

Wara seba’ minuti logħob San Gwann fil-vantaġġ meta f’azzjoni konfuża fil-kaxxa ta’ Marsa kien Attah li skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin. Risposta mmedjata minn Marsa li żewġ minuti wara għamlu l-iksor indaqs b’azzjoni veloċi mitmuma minn Leigthon Grech li għeleb lil Sciberras li kien ħiereġ biex jagħalaq l-angolu. Fis-17-il minuta Marsa jmorru qrib b’daqqa ta’ ras ta’ Ian Zammit tmur ftit barra u fit-33 minuta ċans tad-deheb għal San Gwann iżda Adediran kompletament waħdu xeħet inkredibilment barra. Fis-37 minuta Marsa rebħu penalty meta Lyden Micallef deher jaqa’ fil-kaxxa u mill-11-il metru kien Jackson Lima li skorja b’xutt b’saħħtu.

Fit-tieni taqsima kien Calistus li poġġa’ lil San Gwann fil-vantaġġ fit-52 minuta u fit-68 minuta Marsa għamluhom 3-3 meta Lydon Micallef għadda lejn Leighton Grech li skorja mill-viċin. Tliet minuti wara ballun lejn Ian Zammit li dar mal-goalkeeper u skorja minn pożizzjoni ferm angolata. Fis-77 minuta Marsa kellhom fejn jagħlqu l-logħba meta Shola rebaħ it-tieni penalty tal-logħba favur Marsa. Mill-11-il metru kien l-istess Shola li iżda ra x-xutt tiegħu jistampa mal-mimduda. Ta’ dan Marsa pattew qares għaliex fit-93 minuta pass fit-tul lejn Andrea Zammit li kellu kontroll impekkabli u skorja b’xutt fil-baxx.

ST.GEORGE’S …………………0
MQABBA ……………………….2

St.George’s: M. Bartolo, M. Caruana, J. Briffa, Y. Nomura, B. Gomes Dos Reis, W. Zamble, L.J. Agius, J. Sultana, M. Farrugia, R. Tanti, O. Magro
Mqabba: M. Buhagiar, N. Falzon, G. Mannino, R. Cauchi, J. Castano, K. Cutajar, J. Azzopardi, R. Spiteri, M. Bangoura, D. Micallef, G. Micallef.
Referee: Stefan Pace

Mqabba kisbu rebħa prezzjuża f’konfront dirett miż-żona l-ħamra biex b’dan ir-riżultat issa St.George’s huma kważi kkundannati. Is-Saints żgur kien ħaqqhom xi ħaġa aħjar għaliex kienu l-iktar li attakkaw u ħolqu opportunitajiet, b’darbtejn jolqtu l-lasta u jkollhom ukoll ballun maqlugħ minn fuq il-linja, iżda Mqabba għarfu jisfruttaw il-ftit opportunitajiet li kellhom biex ħadu tliet punti li jistgħu ikunu determinanti fi tmiem l-istaġun. Il-bidu tal-logħba kien bilanċjat bit-tim ta’ Mqabba jkollu xi ftit iktar inizjattiva, iżda kienu St. George’s li resqu qrib fid-19-il minuta meta Tanti ta pass preċiż lejn Nomura li qabeż anki lill-goalkeeper iżda x-xutt tiegħu ħabat mal-lasta.

Fl-aħħar battuti tal-ewwel taqsima żewġ azzjonijiet ta’ Mqabba b’xutt ta’ Gianfranco Micallef u freekick ta’ Ryan Spiteri jmorru għoli.
St.George’s ħarġu fuq l-attakk fit-tieni taqsima u xutt ta’ Lee Agius stampa mal-mimduda. Fl-64 minuta b’sorpriża, kienu Mqabba li marru minn fuq meta xutt ta’ Kurt Borg ħabat ma’ difensur u wasal f’saqajn Castano li minn quddiem Bartolo ma falliex. Il-Bormliżi issa xeħtu kollox fl-attakk u bdew iħallu spazji fid-difiża u Mqabba setgħu għalqu l-logħba permezz ta’ Cutajar iżda Bartolo salva tajjeb. F94 minuta Kurt Borg ikkastiga lill-Bormliżi meta kompletament waħdu għeleb lil Bartolo.

ST. ANDREW’S ………………2
SWIEQI U. …………………….0

St. Andrew’s: D. Formosa, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, N. Bradshaw, M. Bartolo, K. Sano, A. Borg Olivier, Z. Muscat, G. Stefansson, L.A. Borg, K. Jackson
Swieqi U: J.C. Debattista, M. Attard, J. Magri Overend, J. Micallef, J. Willy, A. Schembri Wismayer, M. Vella, A. Okamura, C. Cutajar, F. Temile, J. Azzopardi.
Referee: Aleksander Jovanovic

Wara l-kwalifikazzjoni għall-kwartifinali tal-FA Trophy, St. Andrew’s komplew jiksbu punti prezzjużi fil-kampjonat meta għelbu lil Swieqi b’gowl f’kull taqsima, f’derby missielet. Għal Swieqi daqqa ta’ ħarta oħra fl-aspirazzjonijiet tagħhom li jiksbu t-tielet post fil-klassifika.
Wara żewġ minuti St. Andrew’s sfortunati meta xutt ta’ Sano ħabat ma’ sieq il-lasta. Fil-11-il minuta risposta ta’ Swieqi bix-xutt ta’ Schembri Wismayer salvat minn fuq il-linja minn D’Alessandro.

Fis-36 minuta Sano twaqqa’ fil-kaxxa ta’ Swieqi u mill-11-il metru Johansson skorja b’xutt preċiż fil-baxx. Swieqi kellhom reazzjoni tajba u sfortunata b’daqqa ta’ ras ta’ Temile salvata minn fuq il-linja.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima St. Andrew’s jersqu viċin it-tieni gowl meta xutt ta’ Stefansson ħabat ma’ sieq il-lasta.
Fit-tieni taqsima il-logħba baqgħet bilanċjata b’diversi tentattivi kemm fuq naħa kemm fuq oħra sakem ħames minuti mit-tmiem kien is-sostitut Jamie Sixsmtih li għalaq il-logħba bi ġmiel ta’ freekick li spiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

ŻEBBUĠ R………………………..6

QORMI……………………………….2

Żebbuġ R: M. Grech, S. Bugeja, J. Mintoff, G. De Marino, A. Mizzi, S. Jonatan, C. Gauci, R. Vella, C. Vella, G. Gesualdi, J. Carbone

Qormi: M. Falzon, O. Sidibe, M. Busuttil, A. Ayoub, L. Farrugia, L. Theuma, G. Borg, R. Caruana, I. Mizzi, N. Gauci, A. Da Silva

Referee: Sandro Spiteri

Id-differenza fil-klassifika l-aktar għal fatt li kollox jindika li Qormi ser ikunu l-ewwel tim relegat miċ-Challenge League, għamlet derby differenti minn dawk li solitu konna mdorrijin bihom. B’Żebbuġ ikomplu bis-serje ta’ riżultati pożittivi fil-13 il-minuta iżda kienu Qormi li fetħu l-iskor b’ AHMAD AYOUB jgħeleb lil Matthew Grech. Żebbuġ żewġ minuti wara kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ JAMIE CARBONE filwaqt li fil-21 minuta marru fil-vantaġġ bi CLIVE GAUCI jgħeleb lil Miguel Falzon għat-2 – 1 . Fil-25 minuta saħansitra wasal it-tielet gowl skurjat minn GAETANO GESUALDI .

Fit-tieni taqsima kompla d-dominju minn Żebbuġ li fil-51 minuta permezz ta’ KEVAUGHN ATKINSON .L-istess plejer fis-60 minuta għeleb mill-ġdid lil Miguel Falzon għal 5 – 1 . Fis-77 minuta kienu Qormi li naqqsu l-iskor permezz ta’ MIGUEL BUSUTTIL li għeleb lil Grech għal 5 – 2 . Madankollu fit-83 minuta waslet l-aħħar risposta minn Żebbug b’ SHAUN BUGEJA jgħalaq il-partita bl-iskor ta’ 6 – 2