Futbol Sport

Victor Cassar u Jesmond Abela jiddiskutu f’Replay tal-lejla, l-għada tal-konfront tal-istaġun

L-għada tal-partita li potenzjalment taf tiddeċidi fejn se jmur il-Kampjonat Premier dan l-istaġun, dik bejn Ħamrun Spartans u Hibernians, il-programmi Replay tal-lejla, fuq Net Television, se jkunu qed jikkonċentraw speċifikament fuq din il-logħba, b’diskussjoni interessanti b’rappreżentanti miż-żewġ klabbs rispettivi.

Is-serata ta’ futbol Malti fuq Net Television, ilejla tibda fit-8:30pm, l-ewwel bil-programm qasir u mexxej ‘Replay Live Score’, ippreżentant minn Christian Micallef. F’dan il-programm ta’ 40 minuta, id-dilettanti tal-futbol lokali jkollhom iċ-ċans li jsegwu l-gowls kollha tal-partiti kollha li kelna f’Malta u Għawdex, mill-kompetizzjonijiet tal-MFA u tal-GFA, u li ntlagħbu matul din it-tmiem il-ġimgħa. Apparti li nsegwu servizz għal kull partita li kelna mill-Kampjonat Premier, tkunu tistgħu taraw dak li ġara fit-23 ġurnata tal-National Challenge League, hekk kif Marsa żiedu l-vantaġġ tagħhom f’ras il-klassifika fuq Pembroke Athleta.

Il-bieraħ is-Sibt, kienet l-aħħar ġurnata għall-National Amateur League, b’Luqa St. Andrews kienu nkurunati champions meta rebħu kontra Melita, filwaqt li Rabat Ajax reġgħu rritornaw fil-National Challenge League, meta rebħu fil-ħin barrani l-finali tal-promotion play-off kontra Kirkop United bl-iskor ta’ 2-1, b’dawn tal-aħħar kien wieħed mit-timijiet li impressjona mhux ftit dan l-istaġun b’wirjiet u riżultati sorprendenti. Il-gowls f’dawn il-partiti se jixxandru f”Replay Live Score’ tal-lejla.

Minn Għawdex, jintwerew il-gowls kollha li kelna bejn nhar il-Ġimgħa u llum, hekk kif fost l-oħrajn, Għajnsielem komplew jirbħ u jsaħħu l-ewwel post fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Għall-ħabta tad-9:10pm fuq Net Television, tibda d-diskussjoni ta’ Replay li tibqa’ għaddejha sal-10:30pm. Flimkien ma’ Christian Micallef, f’din il-parti tal-programm, u f’xandira diretta, l-istudio ta’ Replay se jkun qed jilqa’ lis-solitu Konrad Sultana, li llum flimkien miegħu se jkun hemm l-uffiċjali ta’ Ħamrun Spartans u Hibernians rispettivament, Victor Cassar u Jesmond Abela.

Agħfas hawn biex tara l-promozzjoni awdjo-viżiva ta’ Replay għall-programmi tal-lejla

F’din il-partita ta’ diskussjoni, apparti li tkun analiżżata l-partita tal-bieraħ fid-dettal, se jkun hemm il-kummenti li ħadna wara din il-logħba maż-żewġ kowċis rispettivi, Mark Buttigieg ta’ Ħamrun u Stefano Sanderra ta’ Hibernians, grazzi għal wieħed mill-ġurnalisti u membri tat-tim ta’ Replay, Rowen Camilleri. Bħal ma sar fil-programm ta’ ġimgħa llu, wara li kelna l-partita Gżira United kontra Ħamrun Spartans, illum se jkun qed jixxandar servizz ieħor speċjali mir-rokna ‘Bla Kumment’, speċifikament dwar din il-partita, b’filmati tal-cameraman ta’ Net Television, Bernie Dimech.

Ma jistax jonqos li fid-diskussjoni tal-lejla ma jkunux skrutiniżati ż-żewġ azzjonijiet kontroversjali tal-bieraħ filgħaxija fil-partita bejn Ħamrun Spartans u Hibernians, li seħħew fl-aħħar tal-partita. Dawn kienu żewġ azzjonijiet ta’ slow-mo li seħħew fl-attakk ta’ Hamrun Spartans Football Club. Fl-ewwel azzjoni, il-kuntatt ta’ Ferdinando Apap ta’ Hibernians F.C.. ma’ Claude Dielna ta’ Hamrun Spartans Football Club kien iġġudikat bħala fawl fil-kaxxa mir-referee Trustin Farrugia Cann. Hibernians F.C. jipprotestaw għaliex skont huma ma kienx hemm kuntatt. Ftit wara, Hamrun Spartans Football Club jipprotestaw għal penalty ieħor, li iżda din id-darba ma kienx mogħti mir-referee, għall-allegat fawl ta’ Dunstan Vella ta’ Hibernians F.C. ma’ Dodost Soares ta’ Hamrun Spartans Football Club fil-kaxxa.

Agħfas hawn biex tara dawn iż-żewġ azzjonijiet ta’ slow mo.

Il-programmi Replay tal-lejla jibdew fit-8:30pm fuq Net Television.