Lokali

Vincent Muscat mistenni jixhed kontra George u Alfred Degiorgio

Tliet snin u sitt xhur lil hinn mid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija f’Ottubru tal-2017 b’bomba qawwija, matul din il-ġimgħa mistennija żviluppi ferm importanti hekk kif Vincent Muscat ‘Il-Koħħu’ mistenni li jagħti x-xhieda tiegħu fil-konfront ta’ George u Alfred Degiorgio li għaddejjin bi proċeduri separati dwar dan l-istess delitt.

Dawn l-iżviluppi importanti fil-jiem li ġejjin mistennija jimmaturaw hekk kif fil-jiem li għaddew il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ma laqgħetx talba li saret mill-Avukat William Cuschieri li qed jiddefendi lil George u Alfred Degiorgio bl-iskop li Vincent Muscat jinżamm milli jixhed kontra tagħhom.

L-aħwa Degiorgio huma fost dawk li qed jiffaċċjaw akkużi dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u x-xhieda ta’ Vincent Muscat hi mistennija tkun żvilupp importanti għaliex l-istess Vincent Muscat riċentement għażel li jammetti l-ħtija u l-involviment tiegħu fl-istess delitt biex hekk ingħata l-Maħfra Presidenzjali u ngħata sentenza ta’ 15-il sena priġunerija.

Vincent Muscat intrabat li jixhed fil-Qorti dak kollu li jaf dwar dan id-delitt u dwar reati oħrajn li seħħew, inkluż dak tal-Avukat Carmel Chircop f’Birkirkara f’Ottubru tal-2015.