Futbol Sport

Chelsea jibqgħu mingħajr telfa taħt Thomas Tuchel

(Ritratt: EPA)

Chelsea baqgħu mingħajr telfa taħt it-tmexxija tal-kowċ Thomas Tuchel hekk kif għelbu lil Everton 2-0. B’ Chelsea jkollhom aktar pussess matul l-ewwel fażi tal-partita, fit-32 minuta marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Marcos Alonso, BEN GODFREY f’tentattiv li jikklerja għeleb lil sieħbu Jordan Pickford . Riżultat li biħ intemmet l-ewwel taqsima. L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess l-aktar wara li fil-65 minuta Chelsea rduppjaw. Foul ta’ Pickford fuq Kai Havertz. Ir-referee David Coote saffar penalty. Taħ u skurjaħ JORGINHO għat-2–0. Riżultat li biħ intemmet il-partita b’Chelsea jitilgħu fir-raba’ post fil-klassifika b’50 punt tlieta anqas minn Leicester City.

Fil-London Stadium, żewġ gowls fl-ewwel taqsima f’temp ta’ seba’ minuti kienu biżżejjed għal West Ham sabiex jgħelbu lil Leeds Utd. Sabiex telgħu fil-ħames post fil-klassifika bi 48 punt u fl-istess waqt qabżu lil Everton. Leeds baqgħu fil-ħdax il-post b’35 punt daqs Wolves. Fil-21 minuta West Ham fetħu l-iskor. Foul ta’ Luke Ayling fuq Lingard. Mike Dean saffar penalty. Taħ JESSE LINGARD, Illan Meslier salva bla ma żamm daħal għar-rebound l-istess Lingard li skorja. B’Leeds jonqsu milli jwettqu reazzjoni, approfittaw West Ham li fit-28 minuta rduppjaw. Minn azzjoni ta’ Aaron Cresswell kien CRAIG DAWSON li għeleb lil Illan Meslier għat 2 – 0 . Riżultat li biħ intemmet wkoll il-partita.

PREMIER LEAGUE

Illum: Chelsea v Everton 2-0, West Ham v Leeds 2-0