Internazzjonali

Covid-19: It-Taljani kollha se jitlaqqmu sal-aħħar tas-sajf

Il-Ministru tas-Saħħa Taljan, Roberto Speranza, tenna ftit tal-ħin ilu li l-poplu Taljan kollu se jilħaq jingħata t-tilqima kontra l-Covid-19 sal-aħħar tas-sajf.

Speranza tenna, fost oħrajn, li l-programm nazzjonali qed jesiġi biex it-tilqima tal-AstraZeneca minn issa tibda tingħata anki lit-Taljani ta’ ‘il fuq minn 65 sena fost il-provi xjentifiċi li dan il-vaċċin ‘hu tajjeb għall-persuni ta’ kwalunkwe età’.

Il-Ministru enfasizza wkoll li ma għandu ‘l-ebda preġudizzji’ kontra l-vaċċin Sputnik tar-Russja li — dejjem skont il-provi — qed jidher ukoll li se jħalli impatt pożittiv fil-ġlieda kontra l-Covid.

Il-Ministru Speranza qed jipprova jqawwi qalb il-poplu Taljan minkejja li l-vittmi tal-coronavirus fl-Italja, issa, qabżu l-100,000. U għalkemm hemm ukoll l-inkwiet speċifiku ( fil-pajjiż) dwar il-varjanti tal-virus, l-awtoritajiet lokali huma ottimisti dwar il-kampanja tat-tilqim fuq livell nazzjonali li qed tkompli tingħata priorità assoluta.

Roberto Sapienza hu konvint li l-Italja — bl-utilizzazzjoni ta’ mill-anqas tliet vaċċini kontra l-coronavirus — se tkun tista’ tħaffef il-proċeduri tat-tilqim fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin u meta l-awtoritajiet mediċi se jkunu qed jieħdu ħsieb fuq kollox lill-aktar persuni vulnerabbli.