Sport Sport Ieħor

David Cremona elett il-Commodore ġdid għar-Royal Malta Yacht Club

David Cremona ġie elett bħala l-Commodore l-ġdid għar-Royal Malta Yacht Club, wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret dan l-aħħar. Bħala l-Commodore l-ġdid, huwa jieħu t-tmun mingħand Godwin Zammit, li ddeċieda li ma joħroġx għal terminu ieħor din is-sena, kellu dan l-irwol mill-2012.

Cremona, ilu membru attiv tal-Klabb mill-2001. Hu kkompeta f’diversi tlielaq tal-Klabb kif ukoll fir-Rolex Middle Sea Race. Din se tkun it-tieni sena tiegħu fil-Kumitat tal-Klabb, wara li serva bħala Rear Commodore (House) fl-2020.

Minkejja li kiseb l-iktar voti fl-elezzjoni, Cremona ħasiba qabel m’aċċetta din il-posizzjoni. Ir-raġuni primarja kienet li meta ħareġ għall-elezzjoni ma kellu l-ebda intenzjoni li jokkupa dan ir-rwol, partikolarment minħabba li m’għandux is-snin ta’ esperjenza f’dan il-Kumitat bħall ma kellhom il-predeċessuri tiegħu.

“Ir-riżultat kien pjuttost mhux mistenni. Inizjalment kont qed nikkunsidra li ngħaddi r-rwol lil xi ħadd ta iktar esperjenza, iżda l-ammont kbir ta’ inkoraġġiment li rċivejt hekk kif tħabbru r-riżultati ġiegħlitni niftakar fil-fatt li kieku għamilt hekk, kont qed inkun niddiżżapunta lill-membri li vvutawli” spjega Cremona.

Cremona ser jkun qed imexxi l-Kumitat fuq bbażi ta’snin t’esperjenza ta’ tmexxija fid-dinja tan-negozju. Huwa laqqa l-esperjenza ta’ kull membru tal-Kumitat biex jiżgura li r-rwol mogħti huwa wieħed li hu mifhum u li l-ħiliet tagħhom jikkumplimentaw lil xulxin.