Internazzjonali

Fil-familja rjali kien hemm tħassib kbir minħabba l-kulur tal-ġilda tat-tarbija

Il-Prinċep Harry żvela li l-koppja qed jistennew it-tieni wild tagħhom fis-sajf u li se tkun tifla.

F’intervista ma’ Oprah Winfrey li xxandret ilbieraħ id-dukessa ta’ Sussex Meghan Markle, il-mara tal-Prinċep Harry, qalet li l-familja rjali kienu mħassba dwar il-kulur tal-ġilda ta’ binhom u allegat li l-istess tħassib wassal biex dan ma jingħatax it-titlu ta’ prinċep.

“Saqsewni jekk it-tarbija hux se jkollha ġilda skura” – qalet dan Meghan meta kienet qed tirrakonta dak li ġara meta kienet tqila bl-ewwel wild tagħhom, Archie.

Hija qalet li wara ż-żwieġ tagħha fl-2018, spiċċat f’sitwazzjoni prekarja minħabba r-relazzjoni tagħha mal-familja rjali, tant illi kellha ħsibijiet li ma tibqax tgħix.

Fl-aħħar snin il-koppja ddeċidew li jieħdu pass lura mid-dinja Rjali u bnew ħajja ġdida fl-Istati Uniti.

Ħafna qed jantiċipaw li din l-intervista, li xxandret fuq CBS, se tkompli tħarax ir-relazzjoni li hemm bejn il-koppja u Buckingham Palace.

Tul l-intervista l-Prinċep Harry żvela li l-koppja qed jistennew it-tieni wild tagħhom fis-sajf u li se tkun tifla. Il-Prinċep qal li l-familja rjali qatgħet għalkollox l-appoġġ finanzjarju lill-koppja u għalhekk kienu kostretti jagħmlu produzzjonijiet ma’ Netflix u Spotify fost oħrajn.