Wara l-isplużjoni ta’ każi ta’ COVID-19 li kellna fl-aħħar ġimgħat, il-Prim Ministru Robert Abela issa qed jinnega għalkollox li qatt wiegħed li kemm f’Jannar u anki f’Marzu kellna nirritornaw għan-normalità… minkejja li kulħadd huwa konxju tal-frażijiet li lissen il-Prim Ministru ġimgħat wara l-oħra.
Meta mistoqsi min-NET News dwar dan fi tmiem konferenza li indirizzat martu Lydia Abela flimkien mal-Ministru Zammit Lewis quddiem il-Parlament, għall-ewwel prova jaħrabna imbagħad qalilna li qatt ma rrefera għal Marzu – l-istess kif qalilna ftit tas-sigħat qabel quddiem Kastilja.
Iżda l-verita hi…li mhux talli semma Jannar biss, li fil-Messaġġ tal-Ewwel tas-Sena, il-Prim Ministru ta sekwenza eżatta ta’ kif kien beħsiebu joħroġ lill-Maltin minn din il-pandemija.
“Qbadna sew it-triq li se teħodna lura għan-normalità kif nafuha. Sa Marzu rrid li nkunu rkuprajna sew. Sa Mejju, business as usual.”
Meta mitlub jgħid huwiex lest jiskuża ruħu mal-poplu Malti għal dawn it-tamiet fiergħa li wassal, il-Prim Ministru dawwar il-kliem fuq il-vaċċin:
“Ejja ħalli nifhmu li dan huwa mument li fih pajjiżna qed ilaqqam b’rata qawwija.”
U issa, qed jgħid li jrid jevita kontroversji politiċi:
“Ejja ħa ningħaqdu ħalli dan il-mument, flok nagħmluh mument ta’ kontroversja politika, nagħmluh mument ta’ għaqda nazzjonali.”
Risposti li kollha jinjoraw il-fatt li fl-ewwel 8 ijiem ta’ Marzu, pajjiżna rreġistra 2,117-il każ ġdid u 19-il mewt bil-COVID-19, ‘il-bogħod min-normalità li wiegħed minn Marzu