Lokali

“Hemm diversi fatturi li qed iwasslu biex il-Prim Ministru u l-Partit Laburista jnaqqsu fl-appoġġ” – Desmond Zammit Marmara

"Abela qed jurta wkoll bil-kbir b’ċertu diskors ta’ ftaħir li ħafna jħossu li hu barra minn loku meta mietu tant nies u meta mardu numri kbar"

“Naħseb li t-tmexxija tal-Partit Laburista hemm bżonn li tifhem darba għal dejjem li ħafna nies ta’ prinċipju xebgħu jisimgħu bl-opportuniżmu sfrenat ta’ ċerti nies assoċjati mal-PL li donnhom daħlu fil-politika biss biex javvanzaw u jagħmlu l-flus.”

Kliem Desmond Zammit Marmara fil-blogg tiegħu fis-sit newsbook.com.mt.

Wara l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kummissjonat mill-gazzetta Maltatoday Marmara jgħid li dawn il-fuguri huma rifless tal-problema li għandha għeruq li jmorru lura għal qabel l-2013. “Il-problema kienet tinsab fil-fatt li beda jiġi aċċettat kulħadd u llum nafu kemm kienu ġew nies mal-PL sempliċement għax kienu opportunisti u mhux għax kellhom il-prinċipji Laburisti għal qalbhom.”

Zammit Maramara żied jgħid li ħafna Maltin, inklużi ħafna Laburisti, issa qed jiddejqu bil-kbir jisimgħu b’każi ta’ permessi kontroversjali li baqgħu dejjem joħorġu bil-barka tal-Awtorità tal-Ippjanar u dawn xi drabi anke kontra dak li jkunu jixtiequ r-residenti u l-Kunsilli Lokali tal-lokalitajiet milquta. Huwa qal li ħafna Laburisti ma jistgħux jifhmu kif partit politiku xellugi bħalma suppost hu l-Partit Laburista fil-gvern jispiċċa ħaġa waħda man-negozjanti… Gvern li għalih l-interessi ta’ ċerti lobbies potenti jiġu qabel dawk tal-kumplament tal-poplu.

Desmond Zammit Marmara tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija hekk kif Robert Abela qed ipoġġi l-interessi tal-ekonomija qabel is-saħħa tal-poplu. Huwa qal li Abela qed jurta wkoll bil-kbir b’ċertu diskors ta’ ftaħir li ħafna jħossu li hu barra minn loku meta mietu tant nies u meta mardu numri kbar ta’ persuni.

Zammit Marmara qal li “Jeħtieġ, iva, li dwar il-pandemija jieħu deċiżjonijiet li jħarsu l-impjiegi u s-saħħa ekonomika ta’ Malta imma, fejn hemm bżonn, jeħtieġ ukoll li jkun lest li jieħu deċiżjonijiet iebsin u mhux popolari jekk il-ħarsien tas-saħħa pubblika jitlob hekk.”