Internazzjonali

Il-Guinea Ekwatorjali: Mejtin u midruba f’sensiela ta’ splużjonijiet

Talanqas 20 persuna tilfu ħajjithom, b’il fuq minn 400 oħra jindarbu, waqt sensiela ta’ splużjonijiet li seħħew f’bażi militari fil-Guinea Ekwatorjali.

Jidher li l-isplużjonijiet, fil-belt ewlenija ta’ Bata, huma dovuti, f’parti, għal proċess fejn il-bdiewa lokali kienu qed jaħarqu l-prodott agrikolu skadut fl-inħawi. Iżda l-aktar element kruċjali x’aktarx li kien ‘il-mod ittraskurat kif kienu qed jinżammu l-isplussivi (bħal dynamite) f’dik il-bażi.

Kważi l-bini kollha u d-djar f’dik il-belt ġarrbu l-ħsarat kbar u fl-aħħar sigħat ħarġu diversi filmati tan-nies qegħdin ifittxu għall-persuni nieqsa qalb ir-radam u tifrik. Dan fost l-inkwiet li l-ammonti tal-vittmi se jiżdiedu sew matul is-sigħat li ġejjin.

Il-President tal-Guinea Ekwatorjali, Teodoro Obiang Nguema, qal, fi stqarrija, li l-isplużjonijiet ‘huma dovuta għan-negliġenza ta’ taqsima militari li kienet responsabbli mill-protezzjoni tal-kunsinni tal-isplussivi fil-bażi speċifika’.