Lokali

Il-Gvern irid jikser il-Kostituzzjoni u jġib fix-xejn id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini

L-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota kontra l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern biex jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni minħabba li dan jikser il-Kostituzzjoni u jġib fix-xejn id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq ta’ kull ċittadin. Il-Gvern qed iressaq dan l-abbozz ta’ liġi biex ikun jista’ jagħti multi li huma meqjusa bħala sanzjoni kriminali minn awtoritajiet amministrattivi li jistgħu jkunu maħtura direttament mill-Prim Ministru u mill-Ministri bħala persuni ta’ fiduċja (persons of trust).

Waqt konferenza, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba Therese Commodini Cachia saħqu li l-Qorti Kostituzzjonali ta’ pajjiżna diġà stqarret f’diversi okkażjonijiet li multi li huma kbar u għalhekk meqjusa bħala piena kriminali jistgħu jingħataw biss minn Qorti preseduta minn Imħallef u Maġistrat u bis-salvagwardja tad-dritt għal smigħ xieraq fil-proċedura kollha.

Din hija t-tieni darba li l-Gvern permezz tal-Ministru Edward Zammit Lewis qiegħed jipprova jagħmel dan. Ftit tax-xhur ilu, fil-bidu ta’ Ottubru tal-2020, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ressaq quddiem il-Parlament abbozz ta’ liġi biex jemenda l-Kostituzzjoni; l-abbozz numru 166 li jemenda l-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni dwar id-dritt għal smigħ xieraq (fair hearing). Dak iż-żmien l-Oppożizzjoni mill-ewwel iddikjarat li ma kinitx se tivvota favur dan l-abbozz ta’ liġi għaliex dan imur kontra l-Kostituzzjoni nnifisha u jikser id-drittjiet fundamentali tal-bniedem.

Il-Gvern kien fehem li ma kienx se jkun possibbli li dan l-abbozz ikun approvat mill-Parlament ġaladarba huwa meħtieġ il-vot ta’ żewġ terzi biex tinbidel il-Kostituzzjoni. Ġimagħtejn ilu l-Gvern ippubblika abbozz ta’ liġi ieħor, l-abbozz numru 198, li permezz tiegħu l-Gvern irid ibiddel l-Att dwar l-Interpretazzjoni. Din hija liġi ordinarja li tirregola kif għandhom jiġu applikati u interpretati l-liġijiet ta’ pajjiżna u dwar l-ilsien li jintuża fihom.

Permezz ta’ dan l-aħħar abbozz ta’ liġi, l-Gvern irid jibdel il-Kostituzzjoni bl-istess mod li ried jibdilha bl-abbozz ta’ l-ewwel abbozz ta’ liġi li ressaq f’Ottubru 2020 iżda li ma setax jgħaddi mill-Parlament għaliex jeħtieġ il-vot ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari favur tiegħu. Il-Gvern irid ukoll li dawn il-bidliet japplikaw b’mod retroattiv, jiġifieri għal każijiet li diġà seħħew, għal proċeduri li diġà nbdew u għal dawk tal-futur.

L-Oppożizzjoni temmen bis-sħiħ li dan l-abbozz ta’ liġi jikser il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna u l-Gvern qiegħed jipprova jemenda l-Kostituzzjoni mingħajr il-vot ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari kif tgħid il-Kostituzzjoni nnifisha. L-Oppożizzjoni tqis l-aġir tal-Gvern u b’mod partikolari tal-Ministru Edward Zammit Lewis bħala wieħed skandaluż, irresponsabbli u
anti-demokratiku.

B’dan l-abbozz ta’ liġi l-Ministru Zammit Lewis se jsir il-Ministru tal-Inġustizzja u l-Governanza Ħażina. Għalhekk il-Ministru Zammit Lewis għandu b’mod immedjat jirtira dan l-abbozz ta’ liġi u jagħti assigurazzjoni li l-Gvern ma jerġax iressaq abbozz ta’ liġi bħal dan fil-futur.