Lokali

“Il-Gvern qed jiddejjaq b’soċjetà ċivili attiva għax għandu x’jaħbi” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir attentat ieħor tal-Gvern fuq id-demokrazija ta’ pajjiżna, din id-darba attentat kontra s-soċjeta’ ċivili. L-għaqda non governattiva Repubblika qed tiġi mhedda milli titħalla tkompli l-ħidma tagħha, hidma li l-iskop tagħha huwa li żżomm lill-politiċi kollha u lill-Gvern taħt skrutinju.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba Therese Comodini Cachia, il-Partit Nazzjonalista jwissi li l-għaqdiet non governattivi u membri tas-soċjeta’ ċivili huma fundamentali għat-tħaddim tad-demokrazija. M’hemmx demokrazija fejn is-soċjeta’ ċivili
hija dgħajfa. Fejn soċjeta’ ċivili hija attiva, jgawdi l-poplu għax tgawdi d-demokrazija.

Soċjeta’ ċivili attiva tkompli tassigura li l-entitajiet governattivi u entitajiet pubbliċi jagħmlu xogħolhom fl-interess tan-nies u għall-ġid komuni.
Il-Partit Nazzjonalista huwa favur soċjeta’ ċivili b’saħħitha u jemmen li s-soċjeta’ ċivili għandha rwol importanti fil-politika u fit-twettiq tal-politika. Minflok jiddejjaq b’soċjeta’ ċivili attiva, l-Gvern għandu jisma’ u jixtarr dak li qegħdin jgħidulu l-għaqdiet u jieqaf jitfa’ l-ħmieġ tal-amministrazzjoni taħt it-tapit.