Lokali Qorti

Il-każ kontra l-erba’ rġiel akkużati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Chircop se jibda għada

Il-kumpilazzjoni kontra l-erba’ rġiel akkużati bl-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia se tibda għada t-Tlieta, fit-8.30am. preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. Il-każ għandu jkompli jinstema’ nhar l-Erbgħa fl-istess ħin.

Kemm minħabba l-fatt li wieħed mill-akkużati kien ġie testjat pożittiv għall-COVID-19 u minħabba l-fatt li numru ta’ persuni, fosthom prosekuzzjoni, difiża u għadd ta’ ġurnalisti, l-każ se jinstema’ fl-awla numru 22, l-ikbar awla li hemm fil-Qorti,

Wara li l-irġiel kienu tressqu l-Erbgħa, 24 ta’ Frar li għadda, l-każ kellu jinstema quddiem il-Maġistrat Mars-anne Farrugia li iżda rrikużat ruħha peress li kienet tagħmel parti mill-inkjesta fuq l-istess każ.

Wara l-polza tellgħet lill-Maġistrat Nadine Lia biex tisma’ l-każ, li hija kellha tisma’ nhar il-Ġimgħa, u li wkoll spiċċat tirrikuża ruħha mill-kumpilazzjoni tal-provi wara talba li saret mill-parte civile tal-familja Daphne Caruana Galizia.

Kif huwa stipulat fil-liġi reġgħet telgħet il-polza u x-xorti messet lill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li jidher li mhux se jkollha problemi biex hija tmexxi l-każ minħabba li hemm qbil mill-partijiet kollha li hija tisma’ l-każ.

Adrian u Robert Agius magħrufa bħala tal-Maksar, George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż kienu quddiem il-Qorti l-Ġimgħa filgħodu sabiex jibdew jinstemgħu x-xhieda fil-każ.

Fil-bidu tas-seduta, f’awla li kienet mgħassa strettament mill-uffiċċjali tas-Servizzi rriżulta li Jamie Vella ma setax ikun preżenti minħabba li għadu pożittiv għall-COVID-19. Huwa mistenni jibqa’ iżolat sa nhar il-Ħamis 11 ta’ Marzu, anke jekk hemm il-possibilità, kif ġara meta tressaq li jkun preżenti liebes ilbies protettiv kontra l-COVID-19.

L-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher bħala parte civile għall-familja ta’ Caruana Galizia kien għamel talba formali sabiex il-Maġistrat Lia tirrikuża ruħha mill-każ.

Azzopardi stqarr li għamel din it-talba mhux għax hemm riflessjoni fuq l-integritá personali tal-Maġistrat Lia madankollu għamel dan b’rabta ma’ digriet li għamlet l-istess Maġistrat fl-2019 fil-kawża tal-Pulizija kontra Yorgen Fenech u f’numru ta’ kawżi oħra.

Fid-digriet tagħha l-Maġistrat Lia kkwotat partijiet mil-liġi Maltija u dik Ewropea u tenniet li l-ebda klawsola msemmija fil-liġjiet ma jgħoddu għat-talba mressqa minn Jason Azzopardi. Hija qalet ukoll li din it-talba messha saret qabel ma telgħet il-polza biex jintagħżel Maġistrat.

Qaalet li l-partijiet kollha kellhom iċ-ċans kollu sabiex jgħarrfu lill-Prim Imħallef biex Maġistrati ma jidħlux fil-polza li biha nħatar il-Maġistrat għall-kumpilazzjoni.

Il-Maġistrat Lia tenniet li f’pajjiż li huwa diġá ppolarizzat politikament, ikun żball jekk il-partiġġjaniżmu politiku jiġi rifless fuq il-Qrati. Madankollu, anke jekk hija ma qablitx li għandha tagħmel dan saħqet li għal-salvagward tal-ġustizzja kienet se tastjeni mill-tisma’ l-kumpilazzjoni.