Coronavirus Lokali Saħħa

Il-każi ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna jammontaw għal 201

Il-każi ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna jammontaw għal 201, dan hekk kif fl-aħħar sigħat il-każijiet ġodda reġgħu qabżu l-mitejn.

Fatt pożittiv hu li bejn il-Ħadd u t-Tnejn il-paġna tas-Saħħa fuq Facebook qalet li fiequ 345 persuna. Aħbar oħra pożittiva hi li f’dawn is-sigħat ma kellna l-ebda mewta kaġun tal-Covid-19, biex sa issa t-total ta’ mwiet huwa dak ta’ 334.

Il-każijiet attivi baqgħu fuq it-tliet t’elef, bl-ammont totali huwa dak ta’ 3,178. It-total ta’ każijiet huwa dak ta’ 24,599 u l-ammont ta’ dawk li fiequ mill-virus huwa dak ta’ 21,087.

Sat-Tnejn filgħodu 97,864 ħadu t-tilqima, filwaqt li 32,862 mit-total msemmi sa issa, ħadu t-tieni d-doża.

Intant fl-aħħar sigħat Net News tkellem ma’ bosta persuni illi esprimew it-tħassib tagħhom għal mod kif qed jingħataw l-appuntamenti għall-vaċċin, b’uħud saħansitra qed jirċievu karti għal qraba li jkunu ilhom kważi 30 sena mejta. Oħrajn qalu li hemm min hu anzjan u vulnerabbli u għadu jistenna, u uliedhom li mhux vulnerabbli diġà rċivew karta ta’ tilqim.

Fi żviluppi oħra sorsi qrib it-tmexxija tal-Isptar Mater Dei kkonfermaw ma’ Net News illi fl-aħħar sigħat inħasset il-ħtieġa li tinfetaħ ir-raba’ ITU. Dan minħabba l-pressjoni kbira li hemm bħalissa fuq is-servizzi tas-saħħa, kaġun tal-infezzjonijiet tal-Covid.

Il-professjonisti u l-istaff ta’ Mater Dei jinsabu taħt pressjoni enormi, u minn fommhom stess qed toħroġ il-frażi “ma nifilħux aktar” wara sena jissieltu l-pandemija.

Uħud qed iħossuhom minsija mill-awtoritajiet u t-tmexxija tal-pajjiż, filwaqt li ma jistgħux jifhmu kif qed nitkellmu fuq ‘business as usual’ meta għalihom huwa “martirju kuljum”. Dan l-istazzjon jista’ jikkonferma li r-raba’ ITU f’Mater Dei kellha bilfors tinfetaħ għaliex bħalissa hemm numru konsiderevoli ta’ sodod li diġa’ huma meħuda. Sitwazzjoni stressanti anke fuq swali oħra fl-istess sptar.