Coronavirus Knisja Lokali

Il-Knisja tħabbar miżuri ta’ prevenzjoni għall-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa

L-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tippubblika direttivi  ġodda  għall-jiem  ta’  qabel  u  waqt  il-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena. Dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-imxija tal-Covid-19 qed jiġu ppubblikati wara li bħal-lum xahar il-Knisja ħabbret li f’Malta u Għawdex mhux ser jiġu organizzati pellegrinaġġi u purċissjonijiet tar-Randan, u wara li nhar il-Ġimgħa li għadda ġew sospiżi l-laqgħat tal-gruppi li jsiru b’mod fiżiku.

Il-miżuri l-ġodda ppubblikati llum jistabbilixxu li fil-knejjes jistgħu jintramaw biss ix-xbihat qaddisa tar-Redentur, tal-Vara l-Kbira (jew Kurċifiss) u tal-Madonna tad-Duluri. L-Irxoxt jista’ jintrama għall-Għid il-Kbir fejn hemm id-drawwa li jsir dan. Filwaqt li dawn ix-xbihat għandhom jinħarġu u jidħlu lura fin-niċċa b’mod privat, ma għandhomx isiru purċissjonijiet bihom kemm barra kif ukoll ġol-knisja. Il-wirjiet organizzati mill-Knisja jew gruppi tagħha huma pprojbiti.

F’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej, mhux ser isir ir-rit tal-ħasil tar-riġlejn. Bil-permess ta’ Mons. Arċisqof ser tkun tista’ ssir quddiesa oħra filgħaxija jekk il-ħtiġijiet pastorali tal-komunità jirrikjedu dan.

Id-direttivi jindirizzaw ukoll s-Seba’ Visti li jsiru fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka. Din is-sena, dawk li jipparteċipaw ser ikunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jidħlu u joħorġu mill-knisja bejn riflessjoni u oħra, billi jibqgħu f’post wieħed, u billi jsegwu l-miżuri kollha li ġew implimentati fil-knejjes f’Malta sa minn Ġunju li għadda. Dawn jinkludu t-teħid tat-temperatura, l-użu tas-sanitiser, u postijiet assenjati minn qabel biex titħares id-distanza soċjali. Barra minn hekk, m’għandhomx jiġu organizzati visti li jitolbu lill-Insara jżuru aktar minn knisja waħda.

Fil-Ġimgħa l-Kbira, it-tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej li ssir waranofsinhar, ser issir bl-eċċezzjoni  tal-bews  tas-Salib.  Minflok  għandu  jsir  mument  qasir  ta’  Adorazzjoni tas-Salib.

Fil-Vġili  tal-Għid,  iċ-ċelebrazzjoni  ssir  bħas-soltu  bid-differenza  li  l-poplu  ma  jinġabarx ħdejn il-bieb ta’ barra għat-tberik tan-nar imma jsegwi minn postu. Bil-għan  li  l-persuni  morda  u  dawk  vulnerabbli  jkunu  jistgħu  jieħdu  sehem  f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet  tant  importanti  għall-fidi  Nisranija,  din  is-sena  wkoll  l-Arċidjoċesi  ta’ Malta  u  l-Public  Broadcasting  Services  ser  iwasslu  b’mod  dirett  il-funzjonijiet  li  ser jippresiedi l-Arċisqof Charles Scicluna.