Internazzjonali

Il-Papa fl-Iraq: Vjaġġ storiku jintemm b’messaġġ qawwi għall-paċi

Il-Papa Franġisku ikkonkluda l-vjaġġ storiku u impenjattiv ta’ tlett ijiem fl-Iraq, fejn żar id-diversi bliet li għadhom iġorru l-impatt tal-konflitt brutali, fost il-laqgħat kontinwi li kellu mal-mexxejja Kristjani u l-Musulmani tal-pajjiż.

Matul iż-żjara spikka dejjem il-messaġġ ta’ paċi li ried iwassal il-Papa u meta hu kemm-il darba enfasizza li ‘il-paċi u l-koeżistenza jibqgħu dejjem aktar b’saħħithom mill-gwerra’.

Din kienet anki l-ewwel żjara minn Papa fl-Iraq, bil-Kap tal-Kattoliċi jżur erba’ bliet ewlenin, fosthom Mosul, l-eks fortizza tal-grupp terroristiku ISIS u li għadu sallum ‘monument tar-renju tat-terrur u l-qtil indiskriminattiv ta’ ftit snin ilu’.

Il-Papa kellu wkoll laqgħa storika ( l-ewwel waħda tiegħu fil-fatt) mal-Ayatollah Ewlieni tal-Iraq, Ali al-Sistani, li hu l-aktar reliġjuż influwenti tal-Musulmani Xiti.

Sadanittant, il-Papa – li telaq lura lejn il-Vatikan minn Bagdad kmieni dalgħodu – enfasizza li ‘l-Iraq ( bħala pajjiż) se jibqa’ imnaqqax għal dejjem f’qalbu’. Min-naħa tagħhom, l-Iraqqin qed jgħidu li ż-żjara tal-Papa tipprovdi opportunità lid-dinja biex tibda tara pajjiżhom ‘minn lenti differenti.

L-Iraq ilu qed ibati minn tmexxija ħażina ‘kronika’ u korruzzjoni – bil-kriżi perpetwa ta’ dan il-pajjiż anki qed tkun xprunata mil-livell ta’ vjolenza interna konsistenti.