Lokali

Il-PN jippreżenta 12-il proposta li jsaħħu sehem il-mara fis-soċjetà

“Politika ġusta hija dik magħmula min-nisa u mill-irġiel. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta pjan ta’ azzjoni bi 12-il miżura konkreta… proposti ibbażati fuq il-ħtieġa li l-mara tingħata valur u jkun hemm rikonoxximent għall-ħiliet tan-nisa.”

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-ġurnata ddedikata għan-nisa fejn il-Partit Nazzjonalista ressaq il-proposti tiegħu sabiex il-mara tkun tista’ tasal fejn jixirqilha għax wara kollox jekk tasal il-mara, tgawdi s-soċjetà kollha.

Huwa qal li l-għan tal-Partit Nazzjonalista huwa li jaħdem għal żvilupp ġust u demokratiku għal pajjiżna. Dan sabiex ikun aċċertat li l-kwalità tal-ħajja titgawda minn kulħadd. Iżda biex dan isir hemm bżonn li ngħixu f’soċjeta fejn ikun rikonoxxut l-input kemm tal-nisa kif ukoll tal-irġiel.

Bernard Grech qal li l-PN ilu għal ħafna snin jaħdem sabiex ikun hemm ugwaljanza bejn is sessi, fejn il-mara u r-raġel jkollhom drittijiet u responsabbiltajiet indaqs. Huwa qal li sfortunatament f’Malta għad hemm diversi ostakli fil-konfront tan-nisa fosthom differenza fil-pagi fejn hemm aktar nisa li jinsabu f’impjieg prekarju.

Il-Kap tal-PN qal li diskriminazzjoni kontra l-mara twassal għal inġustizzja fis-soċjetà għalhekk huwa importanti li dawn l-ostakli jkunu rikonoxxuti u tittieħed azzjoni minnufih.