Lokali Parlament

It-trawma tal-vittmi tal-vjolenza m’għandhiex titwal bil-proċeduri

Therese Comodini Cachia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li t-trawma tal-vittmi m’għandhiex tkompli titwal bi proċeduri fit-tul u qalet li l-vittmi għandhom ikunu akkumpanjati minn rappreżentanti legali kull meta tkun mitkellma.

Hi sostniet li l-liġi qed tipproponi li dawn iż-żewġ drittijiet jistgħu jittieħdu lill-vittma. L-eżamijiet mediċi fuq il-vittmi wkoll għandhom jinżammu fil-minimu possibbli.

Hi qalet li l-maġġoranza tal-persuni vittmi ta’ traffikar huma nisa li għalkemm ikollhom il-proċess f’Malta ma jkunux jistgħu jsegwu l-proċeduri. Jeħtieġ li jkun hemm iktar postijiet ta’ kenn għan-nisa vittmi tal-vjolenza.

Ix-shelters li hawn ma jlaħħqux mal-każi; jeħtieġ li dawn jgħinu lill-vittmi tqum fuq saqajha, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li l-Gvern irid idaħħal miżuri alternattivi ta’ sigurtà u ta’ appoġġ lill-vittmi.

Hi trattat il-vittmi tal-vjolenza sesswali u qalet li l-każi kollha juru li l-vjolenza qed isseħħ fuq in-nisa l-aktar għaliex huma nisa. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN jemmen li l-vittmi ta’ vjolenza u reati jkunu stmati bl-akbar rispett.