Lokali Qorti

Kumpens ta’ €2,000 lil ‘espert’ tal-Qorti fuq malafama

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ordnat lill-Media Today tħallas kumpens ta’ €2,000 lil persuna li kien parti mill-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia, u li dan jiġi ħu l-ġurnalista ta’ ‘Shift News’, Caroline Muscat wara li ġie attribwit lilu malafama minn żewġ ġurnali.

John Muscat kien beda proċeduri ta’ kawża ta’ libell għad-danni kontra l-ġurnali “Malta Today” u “Illum” wara li dawn rrappurtaw li bħala espert tal-Qorti kien għadda nformazzjoni lil oħtu fuq inkjesta li kienet għaddejja.

Dwar l-artiklu li li kien deher fil-21 ta’ Ottubru 2018 fuq il-ġurnal “Malta Today” ingħad li huwa għadda informazzjoni lill-mezzi tax-xandir u lil persuni fil-politika, bl-artiklu jagħti x’jifhem li kien suspettat mill-Pulizija li beda jagħti tagħrif meta mhux suppost.

L-artiklu f’kuntest simili li kien deher fuq il-ġurnal Illum ġie pubblikat fit-8 ta’ Novembru 2018 ukoll jagħti x’jifhem li għadda informazzjoni mill-inkjesta li fiha kien wieħed mill-esperti.

Muscat kien qal li ħassu aggravat bl-artikolu ppubblikat fejn huwa
gġe identifikat b’ismu bħala wiehed minn tliet esperti maħturin fl-Inkjesta
Magisterjali dwar id-delitt tal-omicidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa lmenta li ssemma fl-artikolu speċifikatament in konnessjoni mas-suġġtt ta’ leaks ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-imsemmija Inkjesta lill-midja internazzjonali u lil persuni fil-politika.

Muscat qal li l-akkuża hi li huwa kien suspettat mill-Pulizija bħala wieħed mis-sorsi ta’ dan il-leak, u aktar bir-rabta li saret bejnu u bejn oħtu
Caroline Muscat li fl-istess silta ġiet deskritta bħala ġurnalista ta’ ‘The Shift
News’ u ‘ex-campaign manager’ tal-Partit Nazzjonalista.

Muscat ċaħad dawn lallegazzjonijiet u sostna li m’humiex veri.
Minn naħa tiegħu Saviour Balzan fix-xhieda tieghu ċaħad li huwa qatt qal li Muscat kien wieħed mill-esperti li ma kienx igawdi mill-fiduċja tal-Pulizija investigattiva u sostna li l-artikolu tiegħu imkien ma jgħid li Muscat kien
wieħed mis-sorsi jew kien b’xi mod responsabbli għal-leaks ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Inkjesta.

Wara li semgħet liż-żewġ partijiet, il-Qorti qalet li fix-xiehda tiegħu l-Editur tal-Malta Today Saviour Balzan stqarr li l-informazzjoni pubblikata dwar il-ħlas li ħadu t-tliet esperti, inkluż Muscat, kienet ġejja minn informazzjoni żbaljata li huwa ngħata .

Hija sostniet li mill-provi rriżulta li Muscat ma rċieva ebda ħlas għal ebda rwol tiegħu fl-inkjesta waqt li fix-xiehda tiegħu Balzan ċaħad li ried ifisser li Muscat ma kienx fdat mill-Pulizija u li kien hu li wassal l-informazzjoni lil oħtu.

Il-Qorti qalet ukoll li ma tistax taqbel mal-pożizzjoni tal-ġurnali li l-pubblikazzjoni kienu dwar materja ta’ interess pubbliku. Qalet li l-liberta` tal-espressjoni ma jħaddnux id-dritt għall-pubblikazzjoni ta’ tagħrif sensittiv fuq investigazzjonijiet kriminali pendenti.

Dan dwar reat kriminali li huma kondotti minn awtorita ġudizzjarja bħalma hija inkjesta Maġisterjali li, waqt illi tkun miftuħa u pendenti, li tappartjeni biss lill-Maġistrat inkwirenti u u ma hija miftuħa għal ħadd.

Għall-kuntrarju, il-Qorti tqis illi l-interess pubbliku li għandu jiġi protett f’ċirkostanzi bħal dawn. Wisq anqas huma aċċettati materji ta’ interess pubbliku l-opinjonijiet, allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet dwar persuni involuti f’investigazzjoni kriminali li huma kapaċi jagħmlu hsara lir-reputazzjoni ta’ dawk il-persuni.

Il-Maġistrat Montebello qalet ukoll li dan qed jingħad ukoll għaliex fl-artikolu ppubblikat issir referenza mhux biss għall-allegat leaks li l-artikolu jattribwixxi lil Muscat u esperti oħrajn, iżda wkoll għal serje ta’ ‘leaks’ oħrajn mill-istess Inkjesta Maġisterjali.

Fosthom hemm l-allegat metodu li ġie applikat biex jiġi identifikat is-sors tal-allegat leaks mill-Inkjesta, kif ukoll allegazzjoni li l-Maġistrat Inkwirenti baqa’ ma ordnax li l-kompjuter ta’ Daphne Caruana Galizia jiġi elevat u eżaminat bhala parti mill-Inkjesta Magisterjali u deċizjonijiet oħrajn meħudin mill-istess Magġstrat fil-kors tal-Inkjesta.

“Il-Qorti ma tistax ħlief tkun preokkupata dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva bħal din, provenjenti minn investigazzjoni kriminali ġudizzjarja li hija intiza li tkun kunfidenzjali u sigrieta u tqis li informazzjoni, evidenza u materjal appartenenti lil Inkjesta Maġisterjali jew investigazzjonijiet kriminali li għadhom għaddejjin, ma jistgħux jitqiesu bħala informazzjoni privileġġjata bħalma huwa, per eżempju, ir-riżultat tal-investigazzjoni’, qalet il-Maġistrat Montebello.

Għaldaqstant hija kkundannat lil Malta Today tħallas is-somma ta’ €1,000 lil John Miuscat u l-istess ammont irid jitħallas mill-ġurnal Illum, li l-Editur tiegħu huwa Albert Gauci Cunningham, biż-żewġ ġurnali jinstabu ħatja ta’ malafama. Għal Muscat deher l-Avukat Joseph Zammit Maempel filwaqt li għall-kumpanija Media Today deheret l-Avukat Veronique Dalli.