Lokali

L-affarijiet inbidlu iżda ħafna ġlidiet baqgħu l-istess – Moviment Graffitti

“F’din il-ġurnata, 111-il sena ilu, ġie organizzat l-ewwel Jum Internazzjonali tal-Mara. Meta nħarsu lura, ħafna affarijiet inbidlu għall-aħjar, għalkemm ħafna sfidi u diffikultajiet baqgħu l-istess għan-nisa madwar id-dinja kollha. ” Hekk stqarr il-Moviment Graffitii fi stqarrija maħruġa f’Jum il-Mara.


Il-Moviment Graffitii sostna li l-pandemija kkonfermat ir-realta’ tal-piżijiet li jerfgħu n-nisa f’pajjiżna fil-familji tagħhom, waqt li huma mistennija li jkomplu jikkontribwixxu lejn l-ekonomija b’rati ta’ paga inqas. F’każijiet ta’ vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru, il-maġġoranza tal-vittmi huma n-nisa, u din it-tip ta’ vjolenza għadha għaddejja bla waqfien. Ir-rappreżentanza tan-nisa fix-xena politika, kif ukoll fil-ħajja pubblika, għadha skarsa.


Il-Moviment Graffitti saħaq illi L-istorja tan-nisa hi storja ta’ ġlidiet u sfidi. Riċentement, sas-sena 1981, in-nisa f’Malta li kienu jaħdmu fis-settur pubbliku kienu mistennija li jieqfu jaħdmu ladarba jiżżewġu. Illum il-ġurnata, il-mara mistennija li tibqa’ taħdem, pero’ mistennija wkoll li ġġorr il-piż tat-trobbija tat-tfal u x-xogħol tad-dar mingħajr ħlas. Sas-sena 1993, l-irġiel kellhom kontroll assolut fuq in-nisa tagħhom, inkluż l-assi tagħhom. Għalkemm illum il-mara hi “libera” li taħdem, x’aktarx li qed taqla’ inqas mill-irġiel fl-istess impjieg bħalha.


“Sa sittax-il sena ilu – sal-2005, in-nisa f’Malta ma setgħux jirrifjutaw li jkollhom x’jaqsmu mar-raġel tagħhom. Illum, l-istupru u l-abbuż sesswali għadhom jiġu rrappurtati b’rati ħafna iktar baxxi milli qed jiġri fir-realta’. Id-dinjita’ tan-nisa għadha qed tiġi njorata b’impunita’ fid-dinja virtwali. Filmati privati u intimi qed jiġu misruqa u maqsuma ma’ rġiel oħra bħala “ċajta”; anki f’postijiet pubbliċi.” Dan kollu qed jiġri fi żminijiet riċenti. F’Malta, id-drittijiet tan-nisa fuq ġisimhom għadhom qed jiġu kkontrollati u regolati minn liġi li nkitbet minn irġiel seklu u nofs ilu. Il-mentalita’ u l-perċezzjoni għadha waħda fejn in-nisa huma mgħotija valur biss skont jekk humiex ommijiet jew le. L-ebda leġislazzjoni mhi se ġġib bidla lejn ugwaljanza ta’ veru mingħajr l-impenn sħiħ biex tiġi sfidata l-kultura patrijarkali u misoġinista li kienet teżisti 111-il sena ilu u li għadha tippersisti sal-lum.”


Din is-sena, Il-Moviment Graffitti, il-Women’s Rights Foundation u Doctors for Choice, bħala organizzazzjonijiet li jiġġieldu għad-drittijiet tal-mara, sostnew illi se jibqgħu jkunu hemm għan-nisa f’Malta u kullimkien, sakemm in-nisa kollha jkunu ħielsa u ugwali għall-irġiel.


Għall-din ir-raġuni, illum il-Moviment Graffitti se jkunu qed juru l-film ‘Burning Bikinis’. Dan il-proġett ta’ aditus foundation jesplora l-istorja tal-femminiżmu f’Malta u jistieden il-pubbliku biex jirrifletti fuq ir-rwol tan-nisa fil-komunita’.