Lokali

L-għaqda ‘Repubblika’ tinsisti li se tibqa’ taħdem biex teħles minn dik li sejjħet “il-qarnita mafjuża tal-Gvern ta’ Robert Abela”

L-għaqda ‘Repubblika’ ikkundannat l-aġir tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji illi permezz ta’ ittra legali infurmhom li jekk ma jbidlux l-atteġġjament tagħhom li jikkrittikaw lill-Gvern, se jkun se jaqtagħhom mil-lista tal-organizzazzjonijiet volontarji.

Fi kliem sempliċi, hedduhom li jekk jibqgħu jikkritikaw lill-Gvern u jibqgħu jitkellmu l-verità, se jagħmlu minn kollox biex lil Repubblika ma jħalluhiex teżisti aktar.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina għamilha ċara li kull ċenteżmu li għandha u li qatt kellha Repubblika, inġabar permezz ta’ donazzjonijiet mingħand il-pubbliku…. b’konformità sħiħa mal-liġi, u l-infiq kollu dejjem sar skont il-liġi, u skont l-istatut ta’ Repubblika.

L-istatut ta’ Repubblika ġie analizzat u approvat mill-istess Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji u mir-Reġistratur għall-Persuni Legali sentejn ilu meta twaqqfet din l-għaqda…u it-tnejn li huma qalu li huma sodisfatti bil-kontenut tal-istatut.

Iżda issa, il-gvern ta’ Robert Abela, permezz tal-Kummissrju għall-Għaqdiet Volontarji, qed jgħid li l-istatut tal-għaqda Repubblika fih affarijiet li ma jogħġbuhx u jekk ma tgħaddix tiegħu, mhux se jħalli l-għaqda tibqa tiffunżjona.

Repubblika tinsab konvinta li din l-ittra ntbagħatet minħabba li fl-istess ġimgħa, il-PM Robert Abela ħass il-pressjoni li għamlitlu din l-għaqda u kellu jkeċċi lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.

Il-President ta’ Repubblika sostna li wara dan kollu hemm l-id tal-Gvern ta’ Robert Abela. U għal dan it-theddid imsejjaħ “faxxista” Repubblika qalet li se twiegeb b’impenn u determinazzjoni akbar fil-ġlieda tagħha biex teħles lil Malta mill-qarnita kriminali li ħatfitha.