Lokali Qorti

Minn sentenza ta’ ħabs għal sospiża għal mara li tlajjat għal skop ta’ prostituzzjoni

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja bidlet sentenza ta’ seba’ xhur ħabs għal waħda ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn fil-konfront ta’ mara ta’ 36 sena mill-Ħamrun wara li f’April li għadda nstabet ħatja li tlajjat għal skop ta’ prostituzzjoni u li rriffjutat li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Pulizija.

Filwaqt li kienu konfermati dawn ir-reati, mill-Ewwel Qorti hija kienet instabet ħatja wkoll li saret reċediva xi ħaġa li l-Qorti tal-Appell sabet dubju dwarha u qalet li mhemmx provi b’saħħithom li Charlene Gatt wettqet reati waqt il-perjodu ta’ ordni ta’ probation mogħtija lilha b’sentenza tat-22 ta’ Mejju 2018 mill-Qorti tal-Maġistrati.

Il-Qorti qalet li f’dan il-każ il-Prosekuzzjoni ġabet prova bil-preżentata ta’ kopja awtentika tas-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fid-9 ta’ Lulju 2019.

F’dan il-każ għalkemm ġew pruvati l-estremi tas-sentenza mogħtija kontra Gatt, ma jirriżultax li l-Prosekuzzjoni resqet prova lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni li hija kienet ukoll reċidiva, in kwantu ma resqitx prova dwar jekk u meta l-piena kinitx ġiet maħfura jew skontata.

L-Imħallef Bugeja qal li għalkemm jista’ tikkonkludi li l-Qorti tal-Maġistrati setgħet tqis lil Gatt bħala reċidiva fit-termini tal-artikolu 49 tal-Kodiċi Kriminali, ma setgħetx tqisha wkoll bħala reċidiva fit-termini tal-artikolu 50 tal-istess Kodiċi.

Dan qalet il-Qorti għandu jwassal għal riforma fil-piena. Kien għal dawn il-motivi, li l-Qorti laqgħet parti mill-appell ta’ Charlene Gatt billi nstabet ħatja ta’ tlajjar misjuba u konferma ta-sentenza mill-Ewwel Qorti ta’ mhux ħatja tal-ewwel akkuża.

Dik li f’diversi ġranet differenti fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April tas-sena 2020 naqset milli tħares il-kondizzjonijiet imposti fuqha b’digriet tal-ħelsien mill-arrest maħruġ mill-Qorti tal-Maġistrati fl-20 ta’ Frar 2019;

Charlene Gatt instabet ħatja li fid-9 ta’ April li għadda għall-ħabta 9.15pm fil-Gżira u fis-16 ta’ April għall-ħabta tad-9.30pm fil-Marsa wettqet dawn i-reati f’post pubbliku.

Hija nqabdet minn Pulizija mara li fil-Qorti qalet li waqt li kienet għaddejja bil-karozza tagħha nnutata li kienet qed tħajjar persuni għall-prostituzzjoni fil-Gżira u anke f’Ta’Xbiex. Hija ratha tagħmel dawn il-movimenti għal darba darbtejn.

Il-Pulizija qalet li t-tieni darba li Gatt kienet innutata titlajja, kif hija kienet se tiġi mitkellma minnha, telqet tiġri. Hija tathom isem ukoll li ma kienx tagħha, fejn fil-fatt qaltilhom li jisimha Stacy Gatt. Anke meta kienet inqabdet titlajja fi Triq is-Salib il-Marsa, xehdet Pulizija oħra, din tagħthom l-isem ta’ Stacy Gatt.

Il-Qorti tal-Appell ħassret parti mis-sentenza appellata u ikkundanna għall-piena ta’ sitt xhur priġunerija li liema sentenza pero, ai termini tal-artikolu 28A(1) tal-Kodiċi Kriminali ma għandhiex tiġi fis-seħħ sakemm l-appellanta fi żmien sentejn. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri filwaqt li għal Charlene Gatt deheru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia.