Lokali Qorti

Mixli li kkommetta għadd ta’ serqiet u li agredixxa żewġ nisa b’sikkina

Żagħżugħ ta’ 27 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li bejn nhar l-Erbgħa u s-Sibt li għadda kkommetta għadd ta’ reati li jikkonsistu f’serqiet, feriti ħfief fuq il-vittmi ta’ wħud mis-serqiet, li ffalsifika ċekk u li kkaġuna biża li kienet se tintuża vjolenza fuq membri tal-familja tiegħu. B’kollox huwa ġie mixli bi 18-il akkuża.

Daniele Aquilina ġie mixli li l-ġimgħa l-oħra wettaq serqa meta kien armat b’sikkina f’Ta’ Xbiex. Is-serqa seħħet għall-ħabta ta’ nofs il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis meta żewġ nisa kienu mixjin għall-affari tagħhom max-xatt ta’ Ta’ Xbiex.

Aquilina, residenti Ta’Xbiex ġie mixli li seraq basket li kien fih diversi oġġetti li l-valur tagħhom huwa ta’ aktar minn €‎2,329.37ċ. Ġie mixli wkoll li ssekwestra lin-nisa kontra l-volontà tagħhom, u dan bil-ħsieb li jisraqhom.

Kien mixli wkoll li kkaġuna ferita ħafifa fuq in-nisa u li kellu fil-pusses tiegħu arma mingħajr liċenzja tal-Pulizija. L-allegat ħalliel inqabad is-Sibt filgħaxija, u dan wara azzjoni immedjata mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u dawk tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, Huwa spiċċa arrestat f’Ta’ Xbiex stess.

Iż-żagħżugħ ġie mixli wkoll li qabel ma wettaq dawn ir-reati, għall-ħabta ta’ 11.45pm. fil-Ġnien tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li jinsab Ta’ Xbiex, l-Gżira u fl-inħawi tal-madwar huwa wettaq attentat ta’ serqa bi vjolenza fuq persuna ta’ nazzjonalità barranija, liema serqa ma seħħitx minħabba xi ħaġa indipendenti u aċċidentali mill-volontà tiegħu.  Huwa ġie mixli wkoll li ssekwestra lill-istess persuna.

Ġie akkużat wkoll li nhar l-Erbgħa li għaddew bejn l-4.30pm. u l-5.00pm mir-residenza Palazzo Testaferrata, f’Ta’Xbiex seraq mobile u li l-għada għal ħabta tas-1.00pm. minn stabbiliment tat-teknoloġija li jinsab ukoll Ta’Xbiex għamel qliegħ b’qerq meta nqeda minn ismijiet foloz bi ħsara għall-propjetarju.

Dan wara li allegatament ffalsifika ċekk billi bidel klawsoli minnu u li għamel użu minn skrittura falza. Allegatament huwa għamel dan permezz ta’ ċekk li seraq minn wieħed mill-vittmi tiegħu.

Huwa ġie mixli wkoll li nhar is-Sibt li għadda bejn is-6.30pm. u s-7.30pm. minn resdienza f’Ħ’Attard ikkommetta serq ta’ għodda u li fl-istess ġurnata u fix-xhur ta’ qabel ikkaġuna biża li kienet se tintuża vjolenza fuq iz-zijiet tiegħu jew il-propjetà tagħhom.

Aquilina ġie mixli wkoll li naqas li jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu minn diversi ordnijiet ta’ Qrati tal-Maġistrati, li jinkludi ħelsien proviżorju mill-arrest. Huwa ġie mixli wkoll li sar riċediv.

Wara li sar l-arrest, il-Pulizija għamlu diversi tfittxijiet u fir-residenza taż-żagħżugħ, instabu xi affarijiet relatati ma’ din is-serqa kif ukoll affarijiet oħra relatati ma’ serq ieħor li seħħ fl-aħħar jiem.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Colin Sheldon. L-Avukat Mark Anthony Mifsud Cutajar deher għall-akkużat li ma talabx għal libertà proviżorja.