Lokali

Niċċelebraw lin-Nisa kollha f’Jum il-Mara

”Il-mara, bil-ħiliet, l-intuwizzjoni, il-kapaċità li trabbi, it-talenti u l-maternità għandna napprezzawha kuljum. Kull sena, fit-8 ta’ Mejju, nonoraw lill-mara. Bħal-lum id-dinja tieqaf u tagħti r-rikonoxximent u l-ġieħ mistħoqq lin-nisa mill-isferi kollha tal-ħajja, ta’ kull età, razza, nazzjonalità, kultura u sfond soċjali.” Hekk qalet Life Network Foundation fi stqarrija maħruġa f’Jum il-Mara.

Life Network Foundation tissieħeb maċ-ċelebrazzjoni tan-nisa kollha mit-tnissil sal-mewt, fejn tisħaq li din is-sena se jkollna bilfors niċċelebraw online biss.

Parti mill-missjoni tal-Fondazzjoni hija li jagħtu l-ħiliet neċessarji lin-nisa li qegħdin jistennew tarbija – u li jsaħħuhom. Is-sena li għaddiet, permezz tal-fergħa tagħhom li tipprovdi l-appoġġ, kellhom l-privileġġ li jgħinu lil diversi nisa li t-tqala kienet se titfagħhom fi kriżi. Dawn in-nisa għamlu għażla favur il-ħajja u jistgħu jiċċelebraw il-fatt li tlettin tarbija ġew salvati.

Il-Fondazzjoni sostniet illi hija sitwazzjoni tat-tkexkix li fl-2021, minkejja l-ħafna kliem u l-battalji favur l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-abort selettiv abbażi ta’ sess qed iwassal għall-mewt ta’ miljuni ta’ trabi. Studju ta’ ħames snin mill-pubblikazzjoni msejħa Down To Eath turi li hemm kważi 23.1 miljun mara fi tnax-il pajjiż Ażjatiku u Ewropew li, minħabba l-aborti selettiv, qatt ma kellhom ċans jitwieldu. Ġenerazzjonijiet ta’ nisa qegħdin jinqerdu qabel ma jroddu l-ewwel nifs, u l-umanità qiegħda tiċċaħħad minn ommijiet, aħwa, infermiera, għalliema, tobba, xjenzati u esploraturi. Ghalhekk, f’Jum il-Mara  il-Fondazzjoni ħeġġet biex niċċelebraw lin-nisa kollha, inkluża t-trabi nisa fil-ġuf – li hija l-mara ta’ għada.