Lokali

Tfittxija għal raġel wara ħsarat konsiderevoli f’mill-anqas sitt karozzi

Ritratt: Mill-Arkivji

Il-Pulizija qed tfittex raġel ta’ nazzjonalità barranija li l-Ħadd filgħaxija kien involut f’inċident li fih ikkawża ħsarat konsiderevoli f’mill-anqas sitt karozzi.

Ftit wara d-9pm, ir-raġel, ħaddiem ta’ nazzjonalità Għarbija, kien qed isuq il-vann tax-xogħol fejn jaħdem minn Triq Abate Rigord f’Ta’ Xbiex qabel ma, għal xi raġuni, tilef il-kontroll tal-vettura u kawża ta’ dan, laqat sitt karozzi li kienu pparkjati fuq iż-żewġ naħat ta’ Triq ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex, fl-Imsida.

Minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li r-raġel sofra xi feriti kawża tal-inċident u għalhekk, wara li ttieħdulu d-dettalji personali mill-Pulizija mill-Għassa tal-Imsida, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’Ambulanza għall-kura.

Madankollu, ir-raġel għażel li ma jingħatax il-kura medika u minflok, iffirma biex jitlaq mid-Dipartiment tal-Emerġenza.

Sadanittant, ftit wara l-10pm, karozza li kienet qed tinstaq minn Triq Dun Karm, fl-Imsida, spiċċat vittma ta’ attakk minn raġel li aktarx kien ħiereġ mill-Isptar Mater Dei. Jirriżulta li r-raġel kien mingħajr flokk u b’qalziet bi tbajja’ tad-demm. Hu waqqaf il-karozza u poġġa fuq il-bonnet qabel ma talab lix-xufier biex isuq lejn iċ-ċentru tal-Imsida.

Iżda appena x-xufier qal lir-raġel – ukoll barrani u ta’ nazzjonalità Għarbija – li minflok, kien se jċempel lill-Pulizija, ir-raġel ta daqqa ta’ sieq lejn il-windscreen tal-karozza u ħarab jgħaġġel mill-post. Ix-xufier għamel kuntatt mal-Pulizija u fil-post waslu immedjatament Uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit u mill-Għassa tal-Imsida.

Mill-informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li ħadd ma weġġa’ fiż-żewġ inċidenti, bl-investigazzjonijiet li qed jitmexxew mill-Pulizija mill-Għassa tal-lokalità mhux jeskludu li r-raġel involut fiż-żewġ inċidenti jista’ jkun l-istess wieħed.

Tfittxija għal raġel wara ħsarat konsiderevoli f’mill-anqas sitt karozziFil-fatt, il-Pulizija bdew tfittxija għar-raġel, bil-għan li jkun ikkonfermat l-involviment tiegħu fiż-żewġ inċidenti, bl-Uffiċjali tal-Korp qed iżommu kuntatt kontinwu mal-persuni li spiċċaw bi ħsarat konsiderevoli fil-vetturi rispettivi tagħhom.