Lokali Qorti

Titnaqqas multa għall-investigatur privat li ħadem bla liċenzja

Raġel ta’ 63 sena mill-Ħamrun li kien jagħmilha ta’ investigatur privat u saħansitra ħaddem persuni oħrajn biex jagħmlu dan ix-xogħol minkejja li ma kellux liċenzja kellu l-multa tiegħu mnaqqsa b’€400 pero kellu sentenza sospiża ta’ ħabs konfermata mill-Qorti tal-Appell. Madankollu l-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza li huwa kien qed jagħmel dan ix-xogħol bla liċenzja.

Kien Vincent Oliver Abela stess li wassal biex bdiet investigazzjoni fuqu wara li mar jirrapporta lill-Pulizija li raġel li kien qed isegwi għal ġimgħatejn sħaħ f’daqqa waħda mar ifittxu d-dar.

Fil-każ kontrih, Abela nstab li kien imexxi l-kumpanija O Abela International Investigators u ammetta li ħadem għal 25 sena bħala investigatur privat minkejja li ma kellux liċenzja mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Madankollu l-Qorti tal-Appell illiberat lil Abela mill-akkuża li ta fastidju lil persuna li kien qed isegwi.  Il-każ imur lura għall-2006 meta huwa tqabbad minn mara biex isegwi lil żewġha, frott il-biża’ li qed jara mara oħra. Wara li segwieh, kien preżentat rapport li ġie aċċettat mill-Qorti tal-Familja waqt proċeduri ta’ każ ta’ separazzjoni.

Mill-provi rriżulta li kien meta dan ir-rapport ġie ppreżentat fil-Qorti li r-raġel skopra li qed jiġi segwit minn investigatur privat u hawn mar għandu biex jagħmillu xi mistoqsijiet. Fid-dawl ta’ dan, Abela talab li l-Pulizija jwissuh biex ma javviċinahx iżjed.

Minflok, kien Abela li spiċċa nvestigat dwar kif kien qed jaħdem f’dan ix-xogħol mingħajr liċenzja. Fid-difiża tiegħu hu qal li ma kien hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirregola lill-investigaturi privati, xi ħaġa li madankollu teżisti fl-Att tal-Gwardjani Lokali u Privati.

Fid-dawl ta’ dan hu nstab ħati li ħadem mingħajr liċenzja iżda mhux li ta fastidju lir-raġel li segwa, għaliex ma kkawżalux biża’ jew anzjetà tant li sar jaf li qed ikun segwit biss meta r-rapport ġie ppreżentat.

Abela kien qed jisħaq illi huwa ma setax jinstab ħati li ħadem bħala gwardjan bla liċenzja peress illi d-definizzjoni ta’ gwardjan privat skont il-Liġi kif kienet fiż-żmien rilevanti għal dan il-każ ma kienetx tapplika għax-xogħol li huwa kien jagħmel.

Huwa għamel referenza wkoll għall-emendi illi daħlu fis-seħħ wara dan il-każ fejn id-definizzjoni ta’ gwardjan privat twessgħet sabiex tinkludi wkoll ‘servizzi f’post ta’ divertiment u servizzi ta’ gwardjani privati speċjalizzat’.

il-Qorti tal-Appell qalet iżda li rat il-liġi kif kienet fiż-żmien tal-każ u l-emendi li saru sussegwentement, u jirriżulta li ma kienx hemm emendi jew introduzzjonijiet ġodda għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-servizzi tal-gwardjani privati għal dak li jirrigwarda l-provvista tax-xogħol ta’ investigazzjoni privata.

Dan ix-xogħol għalhekk kien diġà kopert minn dan l-Att fiż-żmien mertu ta’ dawn il-proċeduri.Is-servizzi li kien jirrendi l-appellant, skont kif imfisser fix-xiehda tiegħu stess, bla ebda dubju ta’ xejn kienu jaqgħu fid-definizzjoni tas-servizzi koperti mill-liġi in kwistjoni.

Il-provi prodotti f’dan il-każ turi kif fil-perjodu in kwistjoni l-appellant kien ipprovda xi forma jew oħra ta’ servizzi t’investigazzjoni privata, u b’hekk ħadem u aġixxa ta’ gwardjan privat kif ukoll kien qabbad u ħaddem lil ħaddieħor biex jipprovdi wkoll servizzi t’investigazzjoni privata, u dan kollu bi ħlas u dan mingħajr ma huwa jew lil min qabbad kienu koperti b’liċenza maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija.

M’hemm l-ebda dubju illi l-appellant kien tenut illi jakkwista liċenzja sabiex ikun jista’ jagħmel dax-xogħol. Bl-istess mod, minn dak illi xehed l-istess appellant m’hemm l-ebda dubbju li huwa kellu persuni oħra impjegati miegħu sabiex jagħmlu dan ix-xogħol, għax kif qal hu stess, dan ix-xogħol ma tistax tagħmlu waħdek.  

Qal li mhux l-istess pero jista’ li Abela ikkommetta d-delitt ta’ fastidju fis-sens li trid il-Liġi fil-konfront ta’ Carmel Coleiro.  Mix-xiehda tiegħu jirriżulta li Coleiro ma kienx jaf li l-appellant kien qed isegwi l-passi tiegħu għajr ħlief wara li l-appellant kien ippreżenta r-rapport tiegħu.

Coleiro jikkonferma li Abela ma kienx kelmu jew heddu waqt li kien qiegħed isegwih – tant li huwa l-anqas kien intebaħ bil-movimenti tal-appellant. Coleiro qal li huwa beda jħossu beżgħan wara li ġie preżentat dak ir-rapport u mhux waqt li kien qiegħed jiġi segwit mingħajr ma kien jaf.

Fid-dawl ta’ dan, minbarra sentenza sospiża ta’ xahren priġunerija sospiża għal sentejn ingħata wkoll multa ta’ €2,000, minflok l-€2,400 kif kienet preċedentement.

.