Sport Sport Ieħor

Żurrieq jiksbu t-tielet rebħa tal-istaġun

(Ritratt: Joe Borg)

Fl-unika logħba li kellna fi tmiem din il-ġimgħa mill-kampjonat nazzjonali tal-futsal, Żurrieq kisbu t-tielet rebħa staġjonali wara li għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 6-3. Kienet logħba ferm pjaċevoli li fiha ġew skorjati xejn inqas minn disa’ gowls b’Żurrieq li bdew jieħdu l-inizjattiva u b’Qormi li bdew itellgħu kontrattakki tipiċi tagħhom.

Fl-aħħar mill-aħħar kienu ż-Żrieraq li ħadu r-rebħa finali sabiex b’hekk issa telgħu għal disa’ punti fil-klassifika. Min-naħa ta’ Qormi, huma għadhom iridu jiksbu l-ewwel punti tal-istaġun.

Luke Joseph Bugeja u Keith Callus kienu f’forma mill-aqwa għal Żurrieq hekk kif skorjaw żewġ gowls kull wieħed filwaqt li Alexei Saliba u awtogowl għaqqdu l-iskor favurihom.

Għal Qormi Vuk Rankovic skorja doppjetta b’Jose Luis Carlos Lopes iżid ieħor għalihom. Sadanittant tħabbar li għalissa l-kampjonat nazzjonali tal-futsal ġie sospiż sal-21 ta’ Marzu li ġej hekk kif matul il-ġimgħa l-oħra numru ta’ plejers u uffiċjali tat-tim nazzjonali ttestjaw pożittiv għall-COVID-19 waqt it-training camp li sar.